|
|
Il-Knisja
tiddiskuti l-ħidma pastorali....
FLIMKIEN FI KRISTU
GĦAS-SERVIZZ TAL-BNIEDEM
Il-Knisja f’Malta
laqqgħet Assemblea Djoċesana li fiha, madwar 300 parteċipant iddiskutew
ittwettiq tal-Pjan Pastorali 2005-2006 u abbozz ta’ Pjan Pastorali ġdid
għas-snin 2007-2008. L-Assemblea, it-tielet waħda tax-xorta tagħha wara
s-Sinodu Djoċesan (1999-2003), iltaqgħet nhar il-ħamis, 28 ta’
Settembru, u nhar is-Sibt, 30 ta’ Settembru, fiċ-Ċentru Animazzjoni u
Komunikazzjoni f’Birkirkara.
L-Assemblea Djoċesana
annwali hija frott ta’ l-esperjenza tas-Sinodu Djoċesan. L-iskop ta’
l-Assemblea, li tiġi presjeduta minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, hu
li tkun esperjenza ta’ informazzjoni, parteċipazzjoni mifruxa,
kontabilita’, valutazzjoni u programmazzjoni f’ambjent miftuħ
għall-Ispirtu ta’ Alla u b’impenn li twieġeb għas-sinjali tal-Mulej
fl-istorja. Għall-Assemblea attendew kappillani, provinċjali
tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, kapijiet ta’ l-iskejjel tal-Knisja,
mexxejja tal-għaqdiet u tal-movimenti, delegati fis-segretarjati u
kummissjonijiet djoċesani, kif ukoll il-membri tal-gruppi għat-twettiq
tas-Sinodu fid-diversi oqsma tal-Knisja u dawk li kienu membri
fl-Assemblea tas-Sinodu.
Is-sessjoni tal-Ħamis
kienet tinkludi esperjenzi minn rappreżentanti ta’ parroċċi diversi dwar
kif huma qegħdu fil-prattika l-għanijiet tal-Pjan Pastorali 2005.2006,
skond l-ispirtu tas-Sinodu Djoċesan: l-animazzjoni tal-fidi,
iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija tal-Ħadd, formazzjoni skond il-linji
gwida tas-Sinodu, il-familja u l-adolexxenti/żgħażagħ, stil ta’ ħajja
sinodali, djalogu mas-soċjeta’ u impenn ta’ qadi u solidarjeta’. Xiehda
partikolari kienet dwar it-tħejjija minn kmieni għaċ-ċelebrazzjoni
tal-Quddiesa tal-Ħadd, speċjalment f’Quddies immirat l-iżjed għas-sehem
taż-żgħażagħ. Xiehda oħra kienet dwar servizzi tal-Knisja f’ċerti oqsma,
fosthom dak tal-persuni li għaddejjin mill-prova tas-separazzjoni
fiż-żwieġ.
It-tema tal-Pjan
Pastorali li jintemm din is-sena hija ”Nimxu flimkien fid-dawl
tal-Mulej”, filwaqt li t-tema proposta għall-Pjan Pastorali l-ġdid hija
”Flimkien fi Kristu għas-servizz tal-bniedem”. L-iskop tal-Pjan
Pastorali huwa li jgħin lill-Knisja f’Malta fil-mixja tagħha mill-qagħda
preżenti lejn sitwazzjoni mixtieqa. Il-Pjan jindika l-ħidmiet,
il-proġetti u l-mezzi li jgħinu lill-Knisja f’din il-mixja tagħha, kif
ukoll min se jkun responsabbli għall-inizjattivi li qed jiġu proposti li
jitwettqu.
Fis-sessjoni dwar
il-Pjan Pastorali 2007-2008, li saret is-Sibt, ġew diskussi diversi
proposti għal azzjoni isħaħ f’oqsma diversi, fosthom dwar il-ħidma ta’
l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali li twaqqaf kif mitlub mis-Sinodu,
it-taħriġ fl-ippjanar, il-komunikazzjoni mas-soċjeta’, it-tagħlim
soċjali tal-Knisja, iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, il-familja u
iż-żgħażagħ, u t-tfal.
Meta kellem
lill-Assemblea, Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca apprezza s-sinċerita’ li
biha tkellmu l-parteċipanti. Radd ħajr ukoll għall-ħidma dejjem akbar li
qed issir, fl-ispirtu tas-Sinodu Djoċesan. Mons. Arċisqof saħaq, b’mod
partikolari, fuq il-bżonn ta’ formazzjoni tajba għal dawk kollha li
jkunu qed jagħtu xi servizz u l-impenn biex f’dan is-servizz tingħata
tassew xiehda nisranija. Tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ l-iskejjel
li, sejħilhom, ”huma l-qofol ta’ kollox”.
Wara l-Assemblea
Djoċesana, matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru, kull parroċċa tlaqqa’
Assemblea biex tagħmel f’livell parrokkjali dak li jkun sar diġa’
f’livell djoċesan. Għall-Assemblea parrokkjali jkunu mistiedna dawk
kollha li jgħixu fil-parroċċa. |