HOME EMAIL

Xi ħsibijiet dwar il-Madonna minn kull wieħed mit-33 ‘Duttur tal-Knisja - Miġbura minn Harry Agius Ordway

Id-Dutturi tal-Knisja joffru pariri b’mod mill-aqwa u jagħtuna riċetta għal saħħa spiritwali u paċi għal kull individwu. Dawn huma nisa u rġiel li offrew ħajjithom bħala testment ħaj tal-virtù erojku tagħhom u l-imħabba għal Alla u għal l-umanitá. Id-dehen, l-għerf, u l-pariri tagħhom ġew ippruvati u nstab li huma mprezzabbli għal diqa ta’ qalb, deni, jew korriment. It-taħwira tagħhom iġġib serħan fid-dwejjaq kemm lill-qalb kif ukoll lir-ruħ f’mod ħollistiku. Ir-riċetta tagħhom dejjem tirreferina għall-Vanġelji. Kristu hu r-rebbieħ fuq id-dnub u l-ħażen u Hu farrak lill-mewt. Ġesù hu l-qawmien u l-Ħajja. L-ispirtu Tiegħu jimliena bil-grazzja tar-rebħa Tiegħu fuq id-dgħjufija u l-għedewwa tagħna.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

San Ġwann Damaxxena:

“Aħna norbtu r-ruħ tagħna mal-Verġni Mqaddsa Marija, it-tama tagħna, bħalma wieħed jinrabat ma’ ankra għax għandna tama aktar minn qawwija fil-medjazzjoni materna tagħha.”

 

San Basilju:

B’sens profond ta’ realiżmu, hu jqabbel il-ġuf ta’ Marija ma’ werkxopp: ”Imma x’inhu dan il-werkxopp? Ġisem  Marija Verġni. U x’inhuma l-prinċipji attivi ta’ dan it-twelid? L-Ispiritu s-Santu u l-qawwa li ddellel fuqha ta’ l-Aktar Għoli.”

 

San Atanasju:

“Kristu, li hu Alla, sar bniedem għalina u twieled minn Marija, Omm Alla, biex jeħlisna mill-qawwa tad-demonju.”

 

San Efrajm:

“Marija hija l-aktar ħlejqa meraviljuża li qatt eżistiet, wara Ġesù. Int biss Ġesù u Ommok huma isbaħ minn kull ħaġa. Għaliex fuqek, O Mulej, m’hemm l-ebda tebgħa; u lanqas fuq Ommok.”

 

San Ċirillu ta’ Ġerusalemm:

”Hu kien magħmul bniedem, mhux fid-dehra biss jew qisu xi fantażma, imma fil-veru. Hu m’għaddiex minn ġol-Verġni, qisu minn ġo passaġġ; imma verament issawwar minn laħamha u ħadet ħsiebu, tagħtu jiekol u jixrob verament bħalna... bħala raġel hu raqad fid-dgħajsa, iżda bħala Alla mexa fuq l-ilmijiet.”

 

San Gregorju Nażjażemu:

”Hu twieled, imma ġa ġie ġġenerat; Hu mitwieled minn mara, imma li hi Verġni. Hi bniedma, Hu divin. Fin-natura ta’ bniedem, hu m’għandux missier; fin-natura divina Hu m’għandux omm. Iż-żewġ kundizzjonijiet huma tad-divinitá. Hu kien qed jgħix f’ġufha, imma kien ġie magħruf minn Ġwanni l-Għammiedi, meta dan ta’ l-aħħar ukoll kien għadu fil-ġuf, u beda jifraħ għax tant kien fil-qrib  tal-Kelma li hu nnifsu kien ser jitwieled minħabba fiha.”

 

San Ġwann Kriżostmu:

”Jekk fil-każ li Lhudi jistaqsik kif Verġni setgħet tagħti wild, irrispondih hekk: ’ Kif tista’ ħamrija verġni ġġiegħel pjanta tnibbet? Għaliex, fl-Ebrajk, ’Eden’, tfisser ħamrija verġni. Verġni ħarġitna mill-Ġenna; bis-saħħa ta’ Verġni aħna ksibna l-ħajja eterna.”

 

San Illarju:

Hu ħass li l-konċepiment verġinali ta’ Ġesù tant kienet esperjenza intensa u sublimi għal Ommu li  hi ma setgħetx timmaġina għażla oħra ta’ ħajja għajr dik ta’ verġinitá perpetwa. Għaliha hi qatt ma setgħet taħseb f’ħajja miżżewġa fil-veru sens tal-kelma.

 

San Ambroġ:

”Jekk nammettu l-ġenerazzjoni Tiegħu mill-Missier, mela ejjew nammettu wkoll it-twelid Tiegħu minn Marija, biex il-Fidi tagħna tilħaq il-milja tagħha. X’kienet ir-raġuni  ta’ l-Inkarnazzjoni? Kellha tkun din: il-ġisem li dineb kellu jiġi meħlus mill-istess ġisem.”

 

San Ġilormu:

”Intom tgħidu li Marija ma baqgħetx verġni. Jien, minflok, inżid xi ħaġa aktar: li, Ġużeppi wkoll baqa’ verġni minħabba Marija, biex Iben verġni jitwieled minn żwieġ verġni. Għaliex jekk ma kenx hemm lok għal att sesswali barra miż-żwieġ għal bniedem qaddis bħal Ġużeppi, u jekk mhux miktub li kellu mara oħra, u jekk għal Marija, li kienet meqjusa bħala martu, hu kien aktar għassies milli żewġha, aħna naslu biex ngħidu li, flimkien ma’ Marija, hu li kellu l-mertu li  jissejjaħ missier il-Mulej baqa’ verġni.”

 

San Wistin:

“Barra minn hekk, kull ruħ fidila hija omm ta’ Kristu, u billi tagħmel ir-rieda ta’ Missieru bis-saħħa tal-karitá, li hija l-aktar virtù li tagħti frott, kull ruħ fidila tagħti l-ħajja lil dawk kollha mmarkati bid-dehra ta’ Kristu. Għal Marija, hi għamlet dak li ried minnha l-Missier; b’dan il-mod, filwaqt li fiżikament kienet biss l-Omm ta’ Kristu, spiritwalment hi kienet kemm oħtu kif ukoll Omm għalih.”

 

San Ċirillu ta’ Lixandra:

“Dwar it-Tieġ f’ Kana. Kristu juri li l-akbar unur possibbli huwa tal-ġenituri minħabba l-fatt li, minħabba r-rispett lejn Ommu, Hu ddeċieda li wettaq miraklu li ma ridx iwettaq. Saru ħafna affarijiet ta’ nota f’dan is-sinjal, l-ewwel sinjal Tiegħu. Iż-żwieġ hu imqaddes, u s-saħta kontra l-mara hi melgħubha. In-nisa ma jkollomx aktar wild fid-dwejjaq, minħabba li Kristu bierek il-bidu ta’ ħajjitna.”

 

San Pietru Krisolgu:

”Dak li ma jiskantax bl-ispirtu ta’ din il-Verġni u li ma jammirax lir-ruħha ma jagħrafx il-kobor ta’ Alla. Il-Ġenna u l-anġli jirtogħdu, il-ħolqien ma jiflaħhiex, in-natura ma ġerraħhiex... imma tfajla ġġor lil Alla fi ħdana; hi tirċevih ġo fiha u tagħtiH post fejn joqgħod. Veru mbierka hi li hi aqwa mis-smewwiet, b’saħħitha aktar mill-art, akbar mid-dinja. Għax hi biss ħaddnet ġo fiha lil Alla li d-dinja ma tistax taħfen; hi welldet lil Dak li ħalaq id-dinja; hi welldet lil Missierha; hi ħadet ħsieb lil Dak li jħares kull ħaġa maħluqa.” 

 

San Ljun il-Kbir:

“Fit-totalitá tagħha l-Fidi tistqarr it-twemmin tagħha f’Alla l-Missier omnipotenti, u f’Ġesù Kristu Ibnu l-waħdieni, imwieled mill-Ispirtu s-Santu u minn Marija Verġni. Bit-tliet tmemminiet, il-gideb ta’ l-eretiċi jitfarrak. Bl-Ispirtu, Kristu jitwieled mill-ġisem bla tebgħa ta’ Ommu; b’dan l-istess Spirtu, il-Kristjan hu mwieled mill-ġdid mill-ġuf qaddis tal-Knisja. Mhux il-memorja tagħna biss imma b’xi mod anki għajnejna jikkontemplaw it-taħdita bejn l-anġlu Gabriel u l-Madonna, li ħassitha xi ftit imħawda; bl-istess mod il-konċepiment mill-Ispirtu s-Santu hu ħaġa ta’ l-għaġeb kemm fil-wegħda tiegħu kif ukoll fil-fidi li rċevietu.”

 

San Gregorju l-Kbir:

”Marija l-aktar qadisa u dejjem Verġni, Omm Alla, tista’ tisejjaħ bl-isem ta’ ”muntanja”. Iva, hi kienet muntanja, li bid-dinjitá tas-sejħa tagħha tgħaddi l-ogħla ta’ kull ħlejqa magħżula. Marija mhux dik il-muntanja l-aktar għolja? Għal Alla, biex sar il-konċepiment tal-Kelma eterna, għolla l-quċċata tal-merti ta’ Marija fuq il-kori ta’ l-anġli, sa’ l-għatba ta’ Alla l-Missier...X’hemm ta’ barra minn hawn dwar il-fatt li, wara l-qawmien Tiegħu mill-imwiet, il-Konkwistatur ta’ Dejjem għadda minn ġol-bibien magħluqa? Wara kollox, meta Hu ġie biex imut, ma ġiex, bla ma fetaħ il-ġuf tal-Verġni?”

 

San Iżodoro:

”Marija, l-Omm Verġni, hija msejħa kif inhu xieraq ’art’. Din l-art kienet ġiet imsoqqija mill-Ispirtu s-Santu. Fit-Testment il-Ġdid, Kristu hu r-Ras ta’ l-irġiel verġni, u Marija hija r-Ras tan-nisa verġni kollha. Hija l-fundatriċi tagħhom, l-Omm tal-Kap tagħna, li huwa Iben il-Verġni u Għarus tal-verġni kollha.”

 

Il-Venerabbli San Bede:

Il-Venerabbli Bede kellu d-distinzjoni li tqajjimlek l-għira...magħruf qatigħ għal l-omeliji tiegħu dwar il-Madonna. Il-lezzjonijiet tal-Komun għall-festi tagħha kienu tiegħu. Id-disa’ lezzjoni tispiċċa b’dan il-ħsieb sabiħ: ”Għax Omm Alla kienet verament  imbierka għax tat il-laħam lill-Kelma t’Alla meta kien wasal iż-żmien, imma aktar imbierka fis-sens li hi żżomm dik l-istess Kelma fl-imħabba tagħha tul l-eternitá kollha.”

 

San Pietru Damjan:

”Is-sinjur tiegħi hu ħelu u s-Sinjura tiegħi hija ħelwa, għax Hu, Alla tiegħi, huwa ħanin, u hi, is-Sinjura tiegħi, hija l-bieb tal-ħniena.Jalla tmexxina bħala omm lejn l-Iben, bħala bint  lejn il-Missier, bħal l-għarusa lejn l-Għarus, li  hu mbierek għal dejjem. Amen.”

 

San Anselmu:

Il-kitbiet tiegħu jikxfu affezzjoni l-aktar pura u l-istima kbira li għandu lejha. Għalkemm hu ma kitibx dwar Marija fit-Trattati formali, jixraqlu li jkun magħruf bħala Duttur Marjan. Dan għaliex hu beda t-tradizzjoni lejha b’ċarezza u qawwa kbira, juri li l-maternitá divina hija l-pedament tal-privileġġi kollha ta’ Marija. ”Xejn mhu daqs Marija; xejn għajr Alla ma hu aqwa minn Alla.”

 

 

San Bernard:

Il-priedki tiegħu dwar il-Verġni Mqaddsa ma kenux għajr Marjoloġija sħiħa. ”Ejjew nweġġħuha għall-puritá tal-ġisem tagħha, għall-qdusija tal-ħajja tagħha. Ejjew niskantaw bis-sħiħ lejn il-frott verġinali tagħha, u nivveneraw lil Binha. Ejjew infaħħru bil-kbir il-ħelsien tagħha minn kull att sesswali biex ikkonċepiet u meħlusa minn kull weġgħa tal-ħlas. Ejjew inħabbruha biex tkun meqjuma mill-Anġli, mixtieqha minn nazzjonijiet, imħabbrha mill-patriarki u mill-profeti, magħżulha minn fost kulħadd u ppreferutha qabel kulħadd.”

 

Sant’ Antnin ta’ Padova:

”Isem is-Sinjura tagħna hu l-iktar fortizza qawwija. Lejha l-midneb jirrikorri, u għandha jsib is-sigurtá u s-salvazzjoni. O isem ħelu, li tagħti lill-midneb is-saħħa u t-tama qaddisa, nitolbu lilek, Sinjura tagħna, Kewkba tal-Baħar, iddi fuqna fil-hemm tagħna fil-baħar tal-ħajja, u mexxina lejn il-port tas-salvazzjoni u lejn il-ferħ li ma jistax jitfisser ta’ l-eternitá.”

 

San Albertu:

Jikkwota l-Ekkleżjastiku(Il-Ktieb ta’ l-Għerf ta’ Ġesù Bin Sirak) 24:29-31 biex jagħti r-raġunijiet tiegħu għall-kitbiet tiegħu dwar l-Verġni Mbierka u mbagħad ifisser hekk: ”Hija fit-tama ta’ dawn ir-rikkezzi mwegħda li bdejna dan ix-xogħol; inkella, konna nkunu eżaltati żżejjed aktar mid-dgħjufija tal-moħħ u l-għerf tagħna.... Huwa minn għandha li aħna nistennew it-tmiem u r-rigal tal-ħidma tagħna... Hija hi li tmexxi r-ridiet tagħna, li tgħinna nagħżlu x’niktbu, u li taf il-ħsibijiet tagħna.... Aħna nixtiequ biss li nkunu ta’ għajnuna b’dawn il-paġni ta’ bla ebda pretensjoni, lil nies sempliċi u bla mgħallma bħalna...”  Dan hu l-bidu tal-Mariale jew l- 230 mistoqsija dwar Marija,  tiegħu.

 

San Bonavventura:

”Ejjew immorru għand il-Verġni b’kunfidenza kbira, u bil-kwiet kollu nfittxuha fil-bżonnijiet tagħna. Dan hu t-tabernaklu li għandu jkun meqjum, u lejn dan it-tabernaklu għandna nirrikorru, għax fih straħ il-Mulej, u għalhekk l-Imqaddsa Verġni Marija nfisha tista’ verament u litteralment tgħid: ’Dak li għamilni straħ fit-tabernaklu tiegħi.’”

 

San Tumas Akkwinu:

” Hija mogħnija b’dan il-privileġġ kbir, li l-midinba kollha, dawk kollha li jwettqu l-ħażen u li b’qalbhom kollha jħaffu għal għandha jiġu salvati... u t-talbiet kollha li jiġu mressqa lilha huma mismugħa... Ejjew, ejjew immoru ngħaġġlu b’kunfidenza kbira lejn dan it-tempju tal-grazzja ...biex insibu l-ħniena.”

 

Santa Katarina ta’ Sjena:

Titkellem dwar il-Madonna bħala, Omm il-Kelma Inkarnata. “Huwa bis-saħħa illi nistudjaw lil dawk li huma l-eqreb lejn Kristu li naslu biex nifhmuH u nsiru nafuH aħjar. B’hekk ma nkunux qed nitbiegħdu minnu imma nitgħallmu kif Hu kompletament jimla l-ħajja umana u jwettaq ix-xenqat u t-tħabrik ta’ natura tagħna umana... Din l-għarusa ta’ l-Imsallab tmexxina lejH li ġie msallab għal l-imħabba Tiegħu lejna. Aktar ma nifhmu lilha, aktar  inkunu nistgħu  nifmhu Lilu.”

 

 

Santa Tereża ta’ Avila:

Hi kellha devozzjoni kbira lejn il-Madonna u kienet titlob bir-Rużarju u bil-meditazzjonijiet dwar il-Mulej Imqaddes, speċjalment waqt il-Misteri tat-Tbatija kull meta kellha l-ħin bejn it-talb normali. Santa Tereża kienet ssostni li mit-talb jiġu l-favuri. Tnejn mit-talbiet favoriti tagħha kienu t-Talba tal-Missierna u s-Sliema u l-Qaddisa. Bħala padrun għażlet lil San Ġużepp, ir-raġel ta’ Marija, li kien fejjaq lill-istess Tereża meta kienet żgħira.  ”Min, għajr  Ġużeppi u Marija, kien tant qrib Ġesù għal kważi tletin sena qabel ma beda l-ministeru pubbliku tiegħu?”

 

San Kanasju:

”Biex inkunu żguri li qed nimxu fil-passi tas-Sancti Padri, aħna mhux biss nsellmu lil dik li tant jistħoqqilha, hi li qiesha ġilju qalb ix-xewk, imma aħna wkoll nemmnu u nistqarru li hi mogħnija b’tant setgħa li tista’ tisma’, tgħin u tagħti favuri lil l-imsejkna mortali  sakemm huma jkunu lesti li jintelqu fi ħdana bix-xewqat kollha tagħhom u b’ħerqa u tama qawwija, minħabba l-interċessjoni materna tagħha, jistennew il-grazzja tagħha ta’ kuljum.”

 

San Robertu Bellarminu

”Ir-Ras tal-Kisja Kattolika huwa Kristu, u Marija hija l-għonq li jgħaqqad ir-Ras mal-ġisem Tiegħu... Alla kien wiegħed li r-rigali kollha, il-grazzji kollha, u l-barkiet kollha tas-sema li jiġu minn Kristu bħala r-Ras, iridu jgħaddu minn Marija lejn il-Ġisem tal-Knisja. Anki il-ġisem fiżiku għandu bosta membri fil-partijiet l-oħra – l-idejn, id-dirgħajn, l-ispalel, u s-saqajn – imma ras waħda u għonq wieħed. U għalhekk anki l-Knisja għandha ħafna appostli, martri, konfessuri u verġni, imma Ras waħda, l-Iben t’Alla, u rabta waħda bejn ir-Ras u l-membri, l-Omm t’Alla.”

 

San Ġwann tas-Salib:

Għalkemm San Ġwann ma kitebx ħafna dwar Omm Alla, skond l-għalliema spiritwali hu ma ħalla xejn barra dwar Marija fejn tidħol l-persepttiva spiritwali. Hemm ftit referenzi dwar il-Madonna li fosthom 12 huma direttament lejha u erba’ biss huma fost il-kitbiet magħrufa ta’ San Ġwann. Madankollu, minn dawn il-kitbiet profondi, toħroġ Marjoloġija sħiħa. Din l-informazzjoni tiskantak fis-sens li bosta jsostnu li ħadd għajr San Ġwann tas-Salib ma kiteb b’tant żelu u ħeġġa dwar Omm Alla, kitba mill-aktar xierqa u eċċellenti mfissra fi ftit kliem.

 

San Lawrenz ta’ Brindisi:

San Lawrenz kien skular Marjan mill-kbar u fl-istess ħin kellu mħabba tremenda lejn l-Imqaddsa Verġni Marija. “Minħabba l-ewwel mara u l-ewwel raġel id-dinja kienet ġiet ikkundannata; bis-saħħa tat-tieni Raġel u t-tieni mara hi ġiet salvata. B’hekk il-prinċipju tas-salvazzjoni tagħna jikkorrispondi sew mal-prinċipju tad-dannazzjoni tagħna. Hekk kif dakinhar demonju, fil-forma ta’ serpent, kien ġie mibgħut mill-kap tax-xjaten biex ibiegħed lil Eva, li kienet verġni u mgħarrsa ma’ raġel, mit-triq tal-veritá; anġlu, imlibbes ġisem ta’ bniedem, kien ġie mibgħut minn Alla lil Marija, li bħal Eva kienet verġni u mgħarrsa ma’ raġel. U bħalma Eva, billi semgħet mis-serpent, saret il-bidu tal-waqgħa tagħna, Marija, billi emmnet lill-anġlu, saret il-bidu tar-restawrazzjoni tagħna. Ta’ l-ewwel tat bidu għad-dnub u l-mewt; Marija tat bidu għall-grazzja u l-ħajja. Ta’ l-ewwel telfitna il-ġenna; b’Marija erġajna rbaħna l-ġenna.”

 

San Franġisk de Sales:

Santa Ġovanna de Chantal kitbet hekk: “Il-Fundatur Qaddis tagħna(San Franġisk de Sales) kien qalli li meta kien għadu student kien għamel wegħda li jgħid ir-Rużarju f’kull ġurnata ta’ ħajtu f’ġieħ Alla u l-Verġni Mbierka, biex jaqla’ l-ħelsien minn tentazzjoni li kienet qiegħda timmolestah il-ħin kollu, tentazzjoni li aktar tard kien ġie meħlus minnha. Hu kien iġorr miegħu l-Kuruna tar-Rużarju fiċ-ċinturin bħala sinjal li hu kien qaddej tal-Madonna.”

 

San Alfonz Liguori:

Waqt li kien qed ifisser għaliex hu tant ifaħħar lill-Madonna, San Alfonz jikkwota lil San Wistin, li jiddikjara: “ ngħidu x’ngħidu biex infaħħru lil Marija huwa ftit ferm meta mqabbel ma dak li verament jixirqilha, u dan minħabba d-dinjitá tagħha bħala Omm Alla; u barra minn hekk  il-Knisja, fil-Quddies iddeddikat għall-festi tagħha, tgħid: ‘Int ferħana, O Mqaddsa Verġni Marija, int li ħaqqek kull tifħir.’ Il-ktieb, ta’ San Alfonz, ‘Il-Glorji ta’ Marija’ huwa probabbilment l-aktar ktieb li inqara fid-dinja. Sa mill-1933 ġie ppubblikat 32 darba bl-Ingliż… b’kollox 736 darba.

 

Santa Tereża:

Il-Q.T. Papa Ġwanni Pawlu II li pproklama lil din il-Qaddisa, Duttur tal-Knisja, kien qal hekk dwarha: “Santa Tereża kienet ferm aktar avvanzata mill-‘Konċilju Vatikan II’, li ppreżenta lil Marija bħala mara ta’ Fidi, meqjusha bħala l-ewwel waħda mill-Kristjani li mxew wara Kristu. Fil-ktieb: “L-aħħar diskursati” dwar l-aħħar 5 xhur ta’ ħajjitha,Santa Tereża, ġiet ikkwotata minn oħtha, Madre Agnese ta’ Ġesù…, li qalet hekk:”Irrid nara lill-Marija fil-ħajja vera tagħha, mhux kif nimmaġinawha. JIena żgura li ħajjitha kienet sempliċi ħafna…Aħna nafu tajjeb li l-Imqaddsa Verġni Marija hija Reġina tas-sema u ta’ l-Art, imma hi Omm aktar milli hi Reġina… Hija kienet meħlusa mit-tbajja’ kollha tad-Dnub Oriġinali; imma min-naħa l-oħra ma kenitx iffurtunata daqsna, għax ma kellhiex Verġni Mqaddsa xi tħobb…”