|
Il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju u xi kursitajiet. Minn Joe Debono
Fl-20 ta’ Lulju 1597 il-Ġeneral tal-Patrijiet Dumnikani ħareg digriet minn Ruma li bih twaqqfet il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju f’Ħal Tarxien[i]. Dan ifisser li l-fratellanza twaqqfet fil-knisja parrokkjali l-qadima fejn kien hemm l-ewwel artal dedikat lil Madonna tar-Rużarju[ii].
Meta nbniet il-knisja l-ġdida ġie assenjat artal lil din il-fratellanza[iii]. Dan l-artal kien dak tal-kappella tan-naħa tax-xellug tal-artal maġġur; l-artal li llum huwa dedikat lill-Kurċifiss. Meta saret il-bidla u l-artal tal-Madonna tar-Rużarju ġie trasferit għal fejn jinsab illum?
Il-kwadru li hemm fuq dan l-artal huwa ta’ Francesco Zahra u ddatat 1770. Biċċa tagħrif interessanti fuq dan il-kwadru u meta sab ruħu fil-kappellun ta’ Nofsinhar toħroġ minn rikors li kien għamel il-kappillan Dun Anton Fenech[iv] (1841 – 1864)[v] fit- 13 ta’ Frar 1854 u f’rikors ieħor li sar aktar tard minn Dun Franġisk Attard (1876 -1921)[vi].
Fl-ewwel rikors il- kappillan Fenech jispjega li tila bil-pittura tal-Madonna tar-Rużarju li kellu fuq l-artal dedikat lilha kienet kbira wisq għall-gwarniċ eżistenti. Għalhekk hu talab biex jitwi din it-tila ħalli tkun tista toqgħod aħjar[vii]. Minn dan wieħed jikkonkludi li l-inkwadru kumissjonat lil Zahra kien sa mill-bidu maħsub biex jitpoġġa fuq l-artal tal-kappellun li għandu gwarniċ ħafna akbar minn dak tal-kappella. Il-fatt li ma tpoġġiex hemm juri li kien hemm xi forma ta’ oppożizzjoni. Dawl dwar dan ikompli jitfgħu ir-rikors tal-Kappillan Attard.
Hawnhekk ta min jgħid li fit-30 ta’Awissu 1674 twaqqfet fil-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien is-Sodalita` ta’ l-Agunija[viii]. Din originarjament twaqqfet fuq l-artal maġġur. Wara x-xogħlijiet li saru fil-knisja u l-ħolqien ta’ artal fil-kappellun ta’ nofisinhar il-membri tas-Sodalita` talbu u qalgħu permess li jittrasferixxu ruħhom għal dan l-artal. Dan ġara għal ħabta ta’ l-1723[ix], qabel ma tlesta l-inkwadru.
Il-Kappillan Dun Franġisk Attard għamel rikors fit-13 ta’ Frar 1894. Fih talab lill-Isqof biex pittura tal-Madonna tar-Rużarju li kellu mitwija fuq l-artal tal-kappella dedikata lilha titneħħa minn hemm għax kien qed jiġrilha ħafna ħsara kemm bit-tinjiet kif ukoll bl-umdita`. Hu wera x-xewqa li din titpoġġa fuq l-artal tal-kappellun flok il-Kurċifiss. Ir-rikorrent żied jikteb li dan ma kellux isib oppożizzjoni għaliex is-Sodalita` ta’ l-Agunija ma kienetx għadha tiffunzjona.[x]
Minn hawn wieħed jikkonkludi li l-inkwadru tal-Madonna tar-Rużarju għamel 124 sena, erbgħin minnhom mitwi, fil-kappella li llum hi magħrufa bħala tal-Kurċifiss u dan minħabba oppożizzjoni minn naħa tas-sodalita` ta’ l-Agunija.
Biċċa tagħrif interessanti oħra hi dwar il-vara tal-Madonna tar-Rużarju.
Fis-sena 1699 insibu li fil-knisja ta’ Ħal Tarxien kien hemm vara tal-Madonna tar-Rużarju. Din kellha niċċa fejn il-bieb tal-kappellun ta’ nofsinhar[xi] li allura tiġi flok l-artal tar-Rużarju, bieb li ngħalaq waqt it-tibdil strutturali li sar bejn l-1722 u l-1729[xii]. Mid-deskrizzjoni mgħotija din kienet l-istess vara li għandna llum u li kienet inħadmet minn Giovanni Maria Saliba fl-1698[xiii]. Dan ifisser li din il-vara hi l-eqdem waħda li għandna u damet unika sa l-1829 meta saret dik tal-Lunzjata.
Forsi tiġi bħala sorpriża l-aħbar li din ma kienetx l-ewwel vara tal-Madonna tar-Rużarju fil-knisja tagħna. Qiegħed ngħid dan għaliex f’rikors li sar mill-prokuratur tal-fratellanza f’Settembru ta’ l-1709 insibu talba ftit stramba. Ir-rikorrent insibuh jispjega li l-fratellanza kellha ras, par idejn u bambin li kienu tal-vara l-antika u li dak iż-żmien kienu miżmuma fi xkora. Huwa qal li wara li saret il-vara l-“moderna” dik antika ma kienetx għadha tintuża. Imbagħad talab biex dawn il-partijiet jingħataw lill-wieħed devot tal-Madonna tar-Rużarju li kien lest li jagħti kontribuzzjoni a favur il-fratellanza[xiv].
X’aktarx mela li l-ewwel vara kienet speċi ta’ trajbu mlibbes il-ħwejjeġ bir-ras u l-idejn tal-kartapesta jew materjal ieħor. Din kienet użanza antika u ħafna statwi kienu jinħadmu hekk.
Dawn l-intietef u oħrajn bħalhom jgħinu biex jimtela l-vojt li għandna fl-istorja tal-parroċċa. Nittama li min jiskopri minnhom jaqsam it-tagħrif mal-parruċċani. Tagħrif bħal dan ikompli jgħin biex napprezzaw aktar dak li ħallewlna missirijietna. [i] Borg V – Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien p.43 [ii] Ibid p. 9 [iii] Ibid p. 43 [iv] Irħama li tfakkar lill-Dun Anton Fenech tinsab fil-kappella tal-Kurċifiss [v] Vella E.B. – Storja ta’ Ħal Tarxien u Raħal Ġdid p. 303 [vi] Vella E.B. – Storja ta’ Ħal Tarxien u Raħal Ġdid p. 303 [vii] Arkivju Parrokkjali Tarxien – rikorsi –dokumenti sfużi [viii] Borg V – Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien p.45 [ix] Ibid [x] Arkivju Parrokkjali Tarxien – rikorsi –dokumenti sfużi [xi] Borg V – Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien p.44 [xii] Ibid [xiii] Sciberra Keith – L-Arti Barokka f’Malta [xiv] Arkivji Kurja Arċiveskovili – Siggiewi/Tarxien
|