|
Kurunella
Tal-Ħniena Divina Il-Mulej
kien qal lil Santa Fawstina: “Inti għandek tgħid din it-talba
fuq il-kuruna tar-Rużarju b’dan il-mod.”
Tibda bir-Radd tas-Salib. + Fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Amen.
Tgħid darba l-Missierna.Missierna li inti fis-Smewwiet, jitqaddes Ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid Int, kif fis-sema hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna minn kull deni. Amen.
Tgħid darba s-Sliema. Sliem għalik, Marija, bil-grazzja mimlija. Il-Mulej miegħek. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesu`. Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina, midinbin, issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Amen.
Tgħid darba l-Kredu ta’ l-Appostli Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art; u f’Ġesu` Kristu, Ibnu wieħed Sidna, li kien konċeput mil-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni; bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh; niżel il-Limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet; tela’ fis-smewwiet, qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox; minn hemm għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Nemmen fl-Ispirtu s-Santu; il-Knisja Mqaddsa Kattolika, ix-Xirka tal-Qaddisin; il-maħfra tad-dnubiet; il-qawma ta’ l-imwiet; il-ħajja ta’ dejjem. Amen.
Imbagħad fuq iż-żibeġ tal-Missierna għandek tgħid dawn il-kelmiet: Missier Etern, jiena noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita` ta’ Ibnek il-Għażiż, Sidna Ġesu` Kristu, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk tad-dinja kollha.
Fuq iż-żibeġ ta’ l-Ave Maria għandek tgħid dawn il-kelmiet: F’ġieħ il-Passjoni ħarxa Tiegħu, ħenn għalina u għad-dinja kollha. (Għal għaxar darbiet).
Imbagħad, wara l-ħames posta tgħid għal tliet darbiet: Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali, ħenn għalina u għad-dinja kollha. Amen.
Fl-aħħar tgħid it-Talba lil Ġesù Ħanin. “O Ġesu` ħanin, aħna nemmnu Fik u nafdaw Fik. Għinna għaliex aħna dgħajfa u bla ħila. Agħtina l-grazzja li nwasslu lill-bnedmin kollha biex jagħarfuk u jħobbuk. U jkollna fiduċja fil-kobor bla qies ta’ Mħabbtek, sabiex inkunu nistgħu niġġieldu kontra l-ħażen li hemm fina u fid-dinja kollha għall-glorja Tiegħek u għas-salvazzjoni ta’ ruħna.” Amen.
It-talba ta’ l-għeluq hija meħuda mill-ktieb “Il-Messaġġ ta’ l-Imħabba Ħanina”. |