IL-BIDWI, IZ-ZOKK U L-FRIEGĦI

 

 

Grazzi ngħid li dan il-bidwi

Ieħor bħalu żgur li m’hawnx

Jagħżaq, jaħrat wiċċ il-għalqa

Żgur li f’xogħlu ma hemmx żball.

 

Kien hemm għalqa bla mittiefsa

Din għoġbitu u għalih riedha

Il-qawwa tiegħu niżlet fuqha

U din il-għalqa ġiet imbierka

 

F’din il-għalqa żera’ dielja

Li Hu stess kien jieħu ħsiebha

Iż-żmien kollu għajnejh fuqha

Din fil-fond niżżlet għeruqha.

 

Għadda ż-żmien u d-dielja ħadet

U bdiet tikber u tisbieħ

Kien iz-zokk tad-dielja vera

La ra mard u anqas taħsir.

 

Maz-zokk ħarġu tnax il-fergħa

Dawn sewwa kienu mqabbdin

Kull xorta ta’ rwiefen qamu

B’xejn ma kienu mqaċċtin.

 

Maz-zokk u t-tnax il-fergħa

Ħarġu ħafna friegħi ġodda

Tant kibru u xxebilku

Li daru mad-dinja kollha.

 

Il-bidwi baqa’ jieħu ħsiebha

Jiżbor, jaqta’ l-friegħi ħżiena

Isaqqi u jagħti s-sustanzi

Ilma safi u abbundanti.

 

Għax maz-zokk b’saħħtu mqabbdin

Il-friegħi kollha msaħħin

Huma ħodor għax ħajjin

U jagħtu l-frott matul is-snin.

 

Jekk xi wħud mill-friegħi jaħsbu

Li z-zokk aktar bżonn m’għandhomx

F’qasir żmien jiddispjaċihom

Għax frott aktar ma jkollhomx.

 

Il-bidwi lil dawn jipprova

B’imħabba kbira jieħu ħsieb

Maz-zokk jerġa’ jqabbadhom

Biex ħajja jieħdu mill-ġdid.

 

Jekk dawn ma jerġgħux jaqbdu

Jibdew jinxfu u jaqgħu fl-art

’Mbagħad il-bidwi kontra qalbu

Jagħmilhom qatet għal ġon-nar.

 

Il-bidwi hu Alla l-Missier

Li ħalaqna u jridna għalih

Jagħmel kollox biex isalvana

Fejn lestielna jrid jarana.

 

Jien Hu z-zokk tad-dielja

Ġesu` stqarr quddiem kulħadd

Jiena fikom u intom fija

Żgur li l-frott ma jonqos qatt.

 

Il-friegħi huma aħna

B’imħabbtu ġejna mkabbrin

Il-Ġisem tiegħu mitmugħin

U b’demmu aħna msoqqijin.

 

Marija l-għalqa mhux mittiefsa

Fiha nżera’ z-zokk tad-dielja

Ngħidulha grazzi li aċċettat

B’hekk Alla seta’ jkompli l-pjan.

 

Ejjew inħobbu lil Ġesu`

Għax bla dubju jħobbna Hu

Imħabbtu hi bla kundizzjoni

Kieku ma kienx jieħu l-passjoni.