DJALOGU

 

Ġesu`, rajtek f’post imbiegħed

Kont waħdek, bilqiegħeda fl-art

Idejk kienu marbuta

Tħares lejn għelieqi kbar.

 

Għamilt ħsieb nersaq maġenbek

Minn fejn nasal ma kontx naf

Qbiżt iċ-ċint u għadast f’għadajjar

Imma xorta ma sibtx art.

 

Meta qbadt biex naqta’ qalbi

U nerġa’ lura għal fejn kont

Nisma’ lilek qiegħed tgħidli:

Erġa’ pprova, agħmel sforz.

 

Jien għidtlek ili ħafna nipprova

Kull m’għamilt kollu għalxejn

Qed nibża’ li ser nintilef

Li nkun bdejt jisfa’ fix-xejn.

 

U Inti erġajt weġibtni:

Dal-kliem lili tgħidu qatt

Għax kull sforż li narak tagħmel

Tiegħek jibqa’, ma ntih lil ħadd.

 

X’ħin nisma’ l-kelma tiegħek

Qalbi nimla bil-kuraġġ

Għaliex min jisma’ kliemek

Żgur ma jmur imqarraq qatt.

 

Għaddejt minn ħafna toroq

Kienu sbieħ u imżejnin

Imma meta mxejt ġo fihom

Ma wasslunix għalfejn hemm Int.

 

Ġesu`, Int erġajt weġibtni

Għidtli:Jien naf ini xi trid tgħid

Għax it-tlellix ta’ din id-dinja

Lili ma għoġobni qatt.

 

Mela jekk Int tista’ għidli

Naqra waħda x’għamilt Int

Għax jien għandi xewqa kbira

Biex inkun fejn qiegħed Int.

 

Jien batut kont minn twelidi

Ma kellix ħajja ta’ sinjur

U ma’ dawk li jien għext magħhom

Minn uħud jien kont miċħud.

 

Jien ġejt hawn mhux għax hu posti

Kont mibgħut nagħti l-aħbar

Biex nurikom kif għandkom tgħixu

Biex id-dinja ma tmurx għall-agħar.

 

’Ma kien poplu qalbu iebsa

Għaddas rasu u ma tax kas

Anzi lili weġġa’ u qatel

B’mewta ħarxa u mill-agħar.

 

Imma jien bil-mewta tiegħi

Għal min hu bħalek kont bnejt pont

U jekk inti tibqa’ tfittxu

Issibu fija- fi Kristu Rxoxt.