KELMA BEJN TNEJN

 

Ġesu`, Int espost għalija

U l-istess għal ħafn’oħrajn

Fuq l-altar fl-Ewkaristija

Fejn kulħadd jista’ jarak.

 

Għax Inti Alla l-għoli

Int veru Alla Qaddis

Bla qies il-kobor tiegħek

Daqs tant ieħor iċċekkint.

 

Ridt li taħbi l-kobor tiegħek

F’dik iċ-ċkejkna Ostja bajda

Biex tkun tista’ tiġi fina

U hekk ngħixu dejjem miegħek.

 

Ġesu`, jiena ġejt fil-kwiet

M’iniex nitlob minn fuq ktieb

Imma nikteb dal-ftit kliem

Li minn qalbi nħoss ħerġin.

 

Mulej, Inti veru tħobbni

Kollox għamilt għalija

Dejjem lest biex tgħinni

U twitti t-triq għalija.

 

Narak tgħarrex u tfittex

X’ħin lili ma tarax

U tibda ssejjaħli

Qabel inwieġbek ma tieqafx.

 

Ġesu`, Int tafni sewwa

Minn barra u minn ġewwa

Bħad-deheb minn nar tgħaddini

Biex minn dnubieti ssaffini.

 

Kemm-il darba ngħidlek iva

Li tiegħek nixtieq inkun

Imma malli r-riħ jonfoħ

Malajr indur, qisni pinnur.

 

Mulej, Int kollok tjieba

Qalbek mimlija ħniena

Qatt ma rrabjajt għalija

Għax ħadt sehem f’dik il-kefrija.

 

Imm’ għax Inti imħabba

Int lil dnubieti twaddab

Il-bogħod minnek, f’baħar fond

Biex qatt aktar ma tarahom.

 

Bħal ħaruf ħaduk għall-qatla

Xerridt demmek sa l-aħħar qatra

Qgħadt għas-swat u għaż-żebliegħ

U sofrejt kollox fis-skiet.

 

Jien irrid inroddlok ħajr

Għax Int kollox aċċettajt

U toqgħod waħdek fil-kwiet

Veru Int Sultan tas-skiet.

 

Ikun imbierek l-Isem tiegġek

Isem setagħni u qaddis

Hu ogħla minn kull isem

Għax Int il-Verb Divin.

 

Ġesu`, Inti lili weġibt

Fi ftit kliem, imma sinċier

“Jiena dejjem hawn inkun

Lest li nilqgħek tkun  kif tkun.