MARIJA, OMM U SULTANA

 

Sliem għalik Omm u Sultana

Int kont magħżula mis-Sultan

Omm bla tebgħa bla mittiefsa

U Sultana tas-sema u l-art.

 

Għalkemm inti Sultana

Ma bqajtx postok fuq it-tron

Kemm-il darba ġejt hawn fostna

Biex żjarat int lilna trodd.

 

Int dhert f’ħafna postijiet

U missejt qalb ħafna nies

Ma kull żjara li wettaqt

Int lid-dinja għaddejt messaġġ.

 

Kull fejn tidher, int, Marija

Jibdew jersqu ħafna nies

Isir fejqan fir-ruħ, fil-ġisem

U bosta jsibu l-mistrieħ.

 

Inti tridna nagħtu kas

Dak kollu li lilna tgħid

Tixtieq li nkunu mqajmin

Mal-wasla t’Ibnek il-għażiż.

 

Int tixtieq li aħna nishru

U mit-talb ma nieqfu qatt

Tridna ngħidu ir-Rużarju

Hu ċ-ċavetta għal kull gwaj.

 

Tridna nindmu minn dnubietna

B’hekk f’din l-art insibu s-sliem

Tixtieq li nħobbu lil xulxin

Biex ngħixu aktar fil-kwiet.

 

Lil kull min qed jarak

Spiss tgħidilhom dal-messaġġ

Uliedi, sumu, agħmlu penitenza

Biex ma terġgħux tidħlu fi gwerra.

 

Ħafna drabi, o Marija,

Inti tidher imbikkija

Għax qalbek qed issofri

Tara d-dinja x’qiegħda toffri.

 

Marija, omm tal-ħniena

Twarrabx ħarstek minn fuqna

Għax għadna m’għarafniex

Kemm aħna għeżież għalik.

 

Marija, omm id-dawl

Int lid-dinja d-dawl tajt

Għinna biex aħna wkoll narawh

U nibqgħu mexjin warajh.

 

O Marija, kompli urina

Li grazzi kbar għandek għalina

U għax tal-paċi int Reġina

Waħedna qatt m’int ser tħallina.

 

O Marija Immakulata,

Nitolbuk biex tibqa’ magħna

Interċedi, int, għalina

Biex il-Mulej iħenn għalina.

 

Iva, għax int ipproklamata

Sultana tas-sema u l-art

Inti ġejt inkurunata

Mis-Santissma Trinita.