|
KRISTU U L-PROVIDENZA
Tawk l-aħbar illi lil Ġwanni Kienu qatlu dawk il-jiem Int qbadt dgħajsa u tlaqt waħdek F’post imwarrab u għas-skiet.
Kif il-kotra lilek lemħet Hi xtaqet tiġi warajk Malli semgħet fejn kont sejjer B’ħeġġa telqu f’ġemgħat kbar.
Hekk kif int inżilt mid-dgħajsa Sibthom b’ħeġġa jistennewk Inti ħniena ġietek minnhom U lill-morda tfejjaq bdejt.
Issa kien sar il-ħin sewwa Anqas kienu indunaw Id-dixxipli ġew jgħidulek Illi n-nies kienu ffjakkaw.
Kienu waslu f’post imwarrab Ikel x’jixtru ma sab ħadd Ġesu` wieġeb b’kalma kbira: Tinkwetawx, ma jimpurtax.
Dak il-ħin minn nofs il-folla Żagħżugħ ġie ħdejn il-Mulej Qallu: dawn biss għandi jiena Forsi bihom tirranġaw.
Ġesu` ħa l-ħobż u l-ħut f’idu Lejn is-sema għolla għajnejh Talab lill-għażiż Missieru Biex ikattarhom it-tnejn.
Ġesu` niżel fl-art bilqiegħda Hu għamlilhom is-sinjal Biex ilkoll jinżlu madwaru Waqt li ’l Alla radd il-ħajr.
Wara kellem lid-dixxipli Qallhom biex jagħtu ’l kulħadd Għax b’dak li Alla pprovda B’xejn ma kien ser jibqa’ ħadd.
Dawk baqgħu iċċassati B’dak li qallhom dak il-ħin U lil min ser jibdew jagħtu Dal ftit ħut, ħames ħobżiet.
Imm’ huma għall-kelma tiegħu Baxxew rashom u obdew Bdew iqassmu milli kellhom Lil dawk li kienu jistennew.
Il-barka t’Alla kienet niżlet Fuq il-ħut u l-ħobżiet Il-folla kielet u xebgħet U mlew il-qfief bil-fdalijiet.
|