MA’ ĠESU` FIL-QAMAR KWINTA

 

Kien lejl ta’ qamar kwinta

Ġejt inżurek ma’ oħrajn

Ġejt ġo darek u lqajtni

Kont espost biex nadurak.

 

Għalkemm jiena midinba

Naħarbek għal xejn b’xejn

Li nkun qribek f’dawn l-iljieli

Jien naf żgur li ma ndejqekx.

 

L-istrumenti bdew idoqqu

Magħhom kantajt l-innijiet

Ta’ tifħir u adorazzjoni

Għax dan jixraq lilek biss.

 

Ħadt sehem fl-Ewkaristija

Flimkien mas-saċerdot

Wegħdtek bil-qawwa kolha

Li s-Sultan tiegħi Int tkun.

 

Mulej, ġejt biex inpattilek

Għal dawk li ma jħobbukx

Li jridu  bl-għemil tagħhom

Mit-tron tiegħek iniżżluk.

 

B’dak il-ħażen li jagħmlu

Inti tkun iddispjaċut

Mhux għax Int jonqsok xi ħaġa

Għax kollox fuqhom jerġa’ jmur.

 

Mulej, nitolbok għal dawn ħutna

Li fid-dlam huma mitlufin

Biex jilmħu d-dawl tiegħek

U jerġgħu lura minn dit-triq.

 

Inti tridhom jerġgħu lura

Għax Int Alla ħanin

Lest biex tinsa d-dnub tagħhom

U tiegħek dawn ikunu ħrief.

 

Int Alla li għandek kollox

Ma għandek nieqes xejn

Għandek imħabba sħiħa

Li biha lilna fdejt.

 

Ġesu` jien niġi għandek

Biex mingħalija ngħinek tfiq

Imma bil-qawwa tiegħek

Flok fiqt Int kont jien li fiqt.