Il-Ħadd,
5 ta’ Frar - Jum il-Ħajja
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, li ser jitfakkar fil-gżejjer Maltin nhar il-Ħadd, 5 ta’ Frar 2006, s-Segretarjat Assistenza Soċjali ta’ l-Azzjoni Kattolika u l-Moviment ta’ Kana, filwaqt li jippromwovu l-valur tal-ħajja, jixtiequ jaqsmu dawn il-ħsibijiet mal-poplu Malti u Għawdxi li fil-maġġoranza kbira tiegħu jgħożż hafna l-valur tal-ħajja u d-dinjita’ tal-bniedem.
Ġo fina Alla poġġa l-istint li nħobbu l-ħajja
u nagħmlu dak li nistgħu biex ngħixu dejjem aħjar. Dan
narawħ jibda jitwettaq fost il-ħafna familji tagħna sa
mill-bidunett tal-ħajja meta fil-familja tiġi fid-dinja tarbija li hi
rigal kbir ta’ Alla.
Iżda f’dinja
mgħaġġla li fiha qed ngħixu, u mingħajr ma qed
nindunaw, bl-atteġġjament tagħna qed naġixxu b’mod li
ninsew il-valur nobbli tal-ħajja u li kull bniedem għandu dinjità
sagrosanta.
Il-ġid komuni
tas-soċjetà kollha jinsab fil-bniedem. Għaldaqstant għandna
d-dmir li naħdmu biex il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem tkun
rispettata sa mill-bidu tat-tnissil sal-mewt naturali.
Dan id-dmir jitlob minna
responsabbiltà biex din id-dinjità tkun ukoll rispettata f’kull stadju u livell
tal-ħajja, kemm dik familjari, kif ukoll tax-xogħol u
tas-soċjetà tagħna.
Il-Papa Ġwann Pawlu II
ħallielna ħafna tagħlim, u fost dan it-tagħlim qalilna
ċar: “jekk rridu l-paċi naħdmu għall-ġustizzja; jekk
rridu l-ġustizzja, naħdmu għall-ħajja; jekk rridu l-ħajja,
fittxu l-verità kif ġiet rivelata minn Alla.”
Għall-grazzja t’Alla f’Malta
għandna ħafna nies ġenerużi u responsabbli li jaħdmu
bis-sħiħ biex iġibu ‘l quddiem is-solidarjetà umana mhux biss
fost il-Maltin li jinsabu fil-bżonn, iżda anke barra mix-xtut
tagħna. Tant, li minbarra s- saċerdoti u s-sorijiet, f’dawn l-aħħar
snin qed imorru wkoll lajċi b’impenn sħiħ biex itejbu
l-għijxien tal-bniedem biex hekk jieħu u jgawdi d-dinjità
tiegħu.
Id-dinjità tal-bniedem u
l-kwalità tal-ħajja għandhom jitħarsu:
(1) fil-familja, billi
nkomplu naħdmu u ngħożżu l-valuri tat-talb, ta’
l-għożża tal-ħajja, tar-rispett u qadi bla interess, ta’
l-imħabba, kompassjoni, maħfra, solidarjetà u ġustizzja;
(2) fis-settur
tax-xogħol, billi naħdmu għall-għaqda u
l-ġustizzja;
(3) fis-soċjetà, billi
lkoll naħdmu u nsaħħu l-valuri tas-solidarjetà u tal-ġustizzja
flimkien ma’ dawk il-valuri li jinżergħu fil-familja. Dan
nistgħu nuruh f’sewqan moderat kif ukoll f’kontroll fl-uzu ta’ l-alkohol,
tat-tabakk, u b’astinenza minn drogi ta’ abbuz. Nistennew li l-Membri
Parlamentari li qed jirrappreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi
(fil-Parlament Malti u dak Ewropew) dejjem jilleġiżlaw biex
isaħħu l-valur tal-familja li hi s-sisien tas-Soċjetà.
Filwaqt li fid-dinja sar
ħafna progress xjentifiku, anki fil-qasam tat-tnissil tal-ħajja,
għandu wkoll ikun
assigurat li “l-interessi u l-ġid tal-bniedem għandu jibqa’ jiġi
qabel l-interessi tas-soċjetà u tax-xjenza”. Ara l-Konvenzjoni ta’
Oviedo, Artiklu 2. Dan ifisser li dawn għandhom dejjem ikunu
għall-qadi tal-ħajja tal-bniedem anki meta din tiġi mhux kif
nixtiequha aħna.
Fl-1994 il-Papa Ġwanni
Pawlu II, fl-ittra tiegħu lill-familji fis-Sena tal-Familja, qalilna li “rridu
nibnu ċiviltà ta’ mħabba u l-ewwel ċellola li fiha trid
tinżera’ hija l-familja.” Ikompli jgħidilna l-Papa: “iżda
ċiviltà ispirata minn mentalità konsumistika u kontra t-twelid m’hijiex u
qatt ma tista’ tkun ċiviltà ta’ l-imħabba”, para 13.
Minħabba diversi
raġunijiet, diżgrazzjatament f’pajjiżna wkoll qed titbaxxa rata
tat-twelid tat-trabi. Min-naħa l-oħra, għall-grazzja t’Alla,
bl-avvanzi li saru fil-mediċina u fil-mod kif qed ngħixu, il-bniedem
qed jgħix ħajja itwal u aħjar.
Nappellaw lill-mezzi kollha
tax-xandir biex ikomplu jsaħħu l-valuri tas-soċjeta’ Maltija, speċjalment
dawk dwar id-dinjita’ tal-bniedem. Hekk, ikollna ċittadini onesti u
soċjetà b’saħħitha.
30 ta’ Jannar 2006.
Ġino
Axisa Fr. Louis Camilleri
President
Direttur
Segretarjat
Assistenza Soċjali Moviment ta’ Kana
Azzjoni
Kattolika Maltija