|
TAQSIM TAL-KTIEB
Il-ktieb ta’ l-Imitazjoni ta’ Kristu hu mqassam f’erba’ kotba, msemmijin hekk: L-Ewwel Ktieb: Twissijiet biex wieħed jista’ jgħix ħajja tar-ruħ, - Hawn Kristu jsejjaħ lill-bniedem biex jinħabb miegħu, kif darba sejjaħ lis-Sajjied ta’ Betsajda, biex iħalli x-xbiek tal-ħut u jsir sajjied tal-bnedmin. F’din is-sejħa Kristu jfehimna x’irid minna biex insiru dixxipli tiegħu: li mmutu għalina stess, li ninfatmu mid-dinja, ħalli Kristu jkun ħaj fina. Hekk S. Pawl kien igħid: `Jiena ħaj, iva; imma Kristu huwa ħaj fija.’ Il-ħajja Spiritwali nistgħu infissruha wkoll xort’oħra. Kif il-bniedem, bħala bniedem, huwa ħaj bir-rabta tar-ruħ mal-ġisem, hekk ir-ruħ tal-veru nisrani tgħix bil-ħajja ta’ Ġesu Kristu, li l-Ispirtu tiegħu igħammar fih.
It-Tieni Ktieb. Kif wieħed għandu jmut għad-dinja biex igħix minn ġewwa, - Il-ħajja spiritwali hija l-ħajja ta’ veru nisrani: il-ħajja interna (minn ġewwa) hija ta’ dawk li jidhru mixjin fuq dil-art, imma l-ħsibijiet, u x-xewqat tagħhom huma fis-Sema: ta’ dawk li sallbu ‘l qalbhom fuq is-Salib ta’ Kristu; ta’ dawk li għalihom ix-xewk huwa ward; ta’ dawk li t-tentazjoni ta’ kull ħin aktar jagħmluhom qawwija u tajbin. Hekk għexu l-eluf ta’ Qaddisin, Konfessuri u Verġni li bihom tiftaħar il-Knisja Kattolika, u li kienu martri fis-sagrifiċċju ta’ qlubhom, jekk mhux tal-ġisem tagħhom.
It-Tielet Ktieb. Fuq il-ħlewwiet li tipprova r-ruħ it-tajba – Kristu qal: Il-madmad tiegħu hu ħelu u ħafif. Il-ħajja spiritwali (jiġifieri tar-ruħ) iġġagħlek tabilħaqq tinki lil qalbek, tixrob l-imrar u tmur kontra l-volonta tiegħek; imma fl-istess żmien Alla b’liema ħlewwa jħallas lil dawn l-erwieħ! X’hena jġarrbu, meta jiftakru li b’daqshekk qegħdin jagħtu gost lill-Għarus tagħhom, lill-Ħaruf bla tebgħa li ġurnata għad iħallashom bil-kuruna tal-glorja ġewwa s-smewwiet!
Ir-Raba’ Ktieb jitħaddet: Fuq it-Tqarbin imqaddes u fuq is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa. |