Tagħrif miġbur mill-ktieb ta’ Patri Mikiel Fsadni O.P., Il-Madonna tal-Għar, Tibki Dmugħ tad-Demm. Pubblikazzjoni Dumnikana, Malta 2004. 

Ħajr lil Patri Mikiel tal-permess biex ikun użat dan it-tagħrif.

F’Ġunju 1980, il-patrijiet dumnikani tar-Rabat, Malta qablu li jagħmlu replika ta’ l-irħam tax-xbieha tal-Madonna ta’ l-Għar, ħalli din tkun tista’ tinħareġ fil-pelegrinaġġ li jsir kull sena u b’hekk ix-xbieha l-antika ma tiġrilha ebda ħsara. 

Sar mudell mill-iskultur Ġużeppi Galea mir-Rabat u l-iskultura fl-irħam saret fl-Italja mid-ditta Frateli Bramanti. Hekk fil-pellegrinaġg ta’ Ġunju 1982, intużat għall-ewwel darba din ix-xbieha ġdida.  Maż-żmien il-festa bdiet issir fil-bidu ta’ Mejju minflok f’Ġunju.

Il-Madonna tibki dmugħ tad-demm

Fis-sena 1999, il-festa tal-Madonna tal-Għar saret il-Ħadd, 2 ta’ Mejju.  Ordinarjament, sa jumejn jew tlieta wara l-festa, ir-replika tax-xbieha tal-Madonna tkun diġà tneħħiet mill-knisja u ntrefgħet għas-sena ta’ wara, iżda fl-1999, kienet għada armata fuq il-bradella sal-Ġimgħa 7 ta’ Mejju, saħansitra kienet għadha bir-raġġiera kbira madwarha u bil-kuruni fuq l-irjus tal-Madonna u tal-Bambin.

Xi jiem wara l-festa kien hemm min lemaħ bħal ħaġa sewdinija ma’ l-għajn leminija tal-Madonna li kienet fil-għoli fuq il-bradella. Kien hemm min rah ukoll imma ma tkellimx għaliex ħaseb li kien xi insett.

Il-Ħamis, 6 ta’ Mejju, xi nisa ġiebu bħas-soltu lit-tfal tagħħom għad-duttrina li ssir fil-kunvent tad-dumnikani.  Mara minnhom daħlet il-knisja biex tinvista u xħin ħarset lejn il-Madonna, intebħet li dak li għal bidu kienet ħasbitu xi insett kienet fil-fatt demgħa ħamranija.  Daħlu xi nisa oħra u raw l-istess. Stqarrew li d-demgħa tiċċarċar min naħa ta’ ġewwa ta’ l-għajn il-leminija kienet l-ewwel roża u fejn waqfet saret ħamra.  Kienet tidher li kienet xi ħaġa friska.

Issejħu l-patrijiet, fosthom il-provinċjal u l-pirjolu. Xi ħin wara wasal ukoll Patri Martin Caruana, li kien is-sagristan tal-knisja. Sħabu staqsewh kienx qiegħed jara xi ħaġa ma’ wiċċ il-Madonna. Qalilhom, “Għal din?” u mesaħha.  Malli rawh jagħmel hekk, dawk li kienu preżenti baqgħu diżappuntati, imma il-pirjol, Patri Pawl Cremona qalilhom, “Jekk hu miraklu terġà tibki.”

Il-Madonna terġa tibki

L-għada, 7 a’ Mejju, għal ħabta tal-5.00 ta’ wara nofs in-nhar, Patri Martin telà b’sellum ħalli jneħhi l-kuruni minn fuq l-irjus tal-Madonna u tal-Bambin.  Ħares sewwa lejn wiċċ-il Madonna, u ra li ma kien hemm xejn.  Xi ħin wara niżlu żewġ novizzi u huma wkoll raw li ma kien hemm xejn.

Ftit ħin wara s-6.00 pm, l-istess mara li lejliet kienet rat id-demgħa ma’ wiċċ il-Madonna, daħlet tinvista. Hija ħarset lejn ix-xbieha tal-Madonna, li kienet fuq il-bradella,  u hemm lemħet dmugħ ħamrani jċarċar, din id-darba min-naħa ta’ barra ta’ għajn ix-xellugija tal-Madonna.  Id-dmugħ niżel sa fuq il-ħadd, taħt għajn il-Madonna. Dak il-ħin kien hemm diversi persuni fil-knisja, li peress li kienet l-ewwel ġimgħa tax-xahar kienu diġà bdew inġemgħu għal quddiesa ta’ filgħaxija.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Fir-ritratt ta’ hawn fuq, li huwa wieħed mir-ritratti tassew impressjonanti li hemm fil-ktieb ta’ Patri Mikiel Fsadni, jidher tajjeb ħafna ċ-ċarċir ta’ dmugħ tad-demm li fis-7 ta’ Mejju 1999, niżel mill-għajn ix-xellugija tax-xbieha tal-Madonna tal-Għar.

Madwar l-għajn il-leminija għadhom jidhru wkoll is-sinjali ta’ dmugħ tad-demm li kien deher fil-jum ta’ qabel.

Aktar tagħrif mill-ktieb ta’ Patri Mikiel Fsadni OP, Il-Madonna tal-Għar, Tibki Dmugħ tad-Demm. Jinkiseb mill-Kunvent tal-Patrijiet Dumnikani r-Rabat, Malta.