|
IT-TLETTAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA Mis-Segretarjat għall-Katekeżi
u s-Segretarjat għal-Liturġija Tibżgħux,
biss intom emmnu: il-missjoni ta’ Ġesù tkompli fil-missjoni tagħna. L-Ewwel Qari:
Għerf 1,13-15; 2,23-24: Fil-proġett
ta’ Alla hemm il-ħajja mhux il-mewt. It-Tieni Qari: 2
Kor 8,7.9.13-15: Alla
jrid solidarjetà bejn il-bnedmin. L-Evanġelju:
Mk 5,21-43:
Għal Ġesù l-mewt mhix it-tmiem tal-ħajja. Ġesù mill-ġdid jinsab ħdejn
il-baħar imdawwar b’kotra kbira ta’ nies: dettal fir-rakkont
ta’ San Mark biex jiġbdilna l-attenzjoni għal tagħlima importanti li Ġesù se
jagħti lid-dixxipli u lill-qarrejja tal-Evanġelju. Ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga. Mar għand Ġesù jitolbu jfejjaqlu
t-tifla. Ġesù telaq miegħu b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd
iross fuqu. Iżda fit-triq waqqfitu mara li kienet ilha tnax-il
sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Minħabba l-kundizzjoni
tagħha, din il-mara kienet meqjusa impura. Ġesù ma tax kas x’jistgħu
jgħidu d-dixxipli, waqaf biex jgħin lill-mara. U sadattant it-tifla
tal-kap tas-sinagoga laħqet mietet.[1] 1. Il-kap u l-mara fqira Hawn għandna r-rappreżentanti
taż-żewġ estremi tas-soċjetà ta’ żmien Ġesù.
Fuq naħa għandna l-kap tas-sinagoga, wieħed mill-mexxejja
tal-poplu f’pożizzjoni ta’ prestiġju u setgħa. San Mark jgħidilna
x’kien jismu - Ġajru - każ rari, għax mhux soltu li dan
l-Evanġelista jagħtina l-ismijiet. Konxju tal-pożizzjoni
distinta tiegħu fis-soċjetà, il-kap resaq lejn Ġesù
b’edukazzjoni, inxteħet f’riġlejh, b’sinjal ta’ rispett, u
talbu ħafna jfejjaqlu t-tifla. Fuq in-naħa l-oħra għandna “mara”.
Meta Ġesù pprova jkun jaf min hi, id-dixxipli merewh: “Qiegħed
tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek u tistaqsi ‘Min messni’?” Kienet
biss “mara qalb il-folla”, anonima, bla isem, siekta u mistħija,
ma kellha xejn x’jirrikmandaha, ħadd li seta’ jaqbeż għaliha.
Mhux bħal Ġajru li kellu kollox favur tiegħu u seta’ jinsisti
biex ifejjaqlu t-tifla. 2. “Min messni?” Il-mara, tirtogħod bil-biża’, għax
għarfet x’kien ġralha, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu
s-sewwa kollu. San Mark jiddeskrivi ċar u tond il-marda tal-mara,
emorraġija kronika. Il-mara sabet ruħha mwarrba doppjament
mis-soċjetà ta’ dak iż-żmien. L-ewwelnett għax il-marda
tagħha kienet tagħmilha impura, imniġġsa, ħadd ma
seta’ jmiss magħha, lanqas setgħet tidħol fit-tempju. U wkoll
għax kienet fqira: Batiet
wisq taħt ħafna tobba, nefqet kull ma kellha, u mhux biss ma
swielha xejn, imma talli marret għall-agħar.” Tassew xortiha ħażina! Resqet minn warajh u messitlu l-mantar - F’daqqa
waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha. Mal-ewwel nintebħu li hemm żewġ
livelli fir-rakkont ta’ dan il-miraklu. L-ewwel hemm il-livell morali, bil-ksur tal-kodiċi
tas-safa kemm min-naħa tal-mara u kemm min-naħa ta’ Ġesù: Minnufih
intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-folla u staqsa: “Min messni?” Għal darb’oħra, bħal
fir-rakkont tal-fejqan tal-lebbruż (Mk 1,40-45), Ġesù nnifsu jikser
il-kodiċi tas-safa, li kien jifred lin-nies f’puri u impuri, u hekk juri
li m’għadux jgħodd aktar. Imbagħad hemm il-livell fiżiku,
il-miraklu tal-fejqan. Il-mara,
tirtogħod bil-biża, inxteħtet f’riġlejh, għax għarfet
x’kien ġralha, stqarritlu s-sewwa kollu - “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek: mur bis-sliem, u kun
imfejqa mill-marda tiegħek”.. Lill-mara Ġesù jagħtiha
l-fejqan u jroddilha postha fis-soċjetà. Saħansitra jsejħilha “Binti”.
Iqisha aqwa mill-istess dixxipli, li baqgħu ma fehmuhx. Lil Ġesù
kienu merewh: “Qed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi,
‘Min messni?’” Iżda għal Ġesù l-importanti mhux il-kuntatt
fiżiku, imma l-kuntatt tal-fidi.
3. “Tibżax, biss inti emmen.” Il-fejqan ta’ din il-mara fqira u mwarrba,
interrompa l-mixja ta’ Ġesù lejn id-dar tal-kap tas-sinagoga. Sadattant
it-tifla mietet: “Bintek mietet: għalfejn tħabbtu iżjed
lill-Imgħallem?” Nistgħu
nimmaġinaw id-diżappunt ta’ Ġajru. Imma Ġesù baqa’ miexi, u ħeġġeġ
lil Ġajru biex jimxi fuq l-eżempju tal-mara li fejjaq: “Tibżax,
biss inti emmen”. Qabel ma tfiq it-tifla, l-ewwel kien jenħtieġ
li jfiq hu! Ġajru kien diġà tneżża’
mid-dinjità tiegħu meta quddiem folla ta’ nies inxteħet quddiem
Ġesù jitolbu jfejjaqlu t-tifla. Imbagħad kellu joqgħod
jistenna jara lil Ġesù jfejjaq mara fqira, bħallikieku l-każ
tiegħu ma kienx urġenti biżżejjed. Issa kien imissu jagħmel
pass importanti: il-qabża tal-fidi saħansitra quddiem il-mewt. Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u
nies jibku u jixhru. Dawn kollha sinjali ta’ mewt u ta’ luttu; mod kif
San Mark jikkummenta dwar in-nuqqas ta’ fidi ta’ dawn in-nies. Ġesù, sogħbien
b’dan in-nuqqas ta’ fidi, keċċiehom ilkoll ’il
barra, u daħħal miegħu biss lill-ġenituri
tat-tifla u lid-dixxipli, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, it-tlieta li
riedhom dejjem qribu fil-ġrajjiet importanti. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” Hawn ukoll Ġesù reġa’ kiser
il-kodiċi tas-safa, għax ma kontx tista’ tmiss ġisem mejjet.
Il-ġest ta’ Ġesù huwa l-istess bħal dak li rajna fil-miraklu
tal-fejqan ta’ omm il-mara ta’ Pietru. Iżda hawnhekk Ġesù mhux biss
fejjaq imma qajjem mill-mewt. Bis-setgħa tiegħu ġrajja li
kienet intemmet b’mewt tinbidel f’għotja ta’ ħajja ġdida (ara
L-Ewwel u t-Tieni Qari). Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax
kellha tnax-il sena. L-istess bħal omm il-mara ta’ Pietru, lit-tfajla setgħet tqum
fuq saqajha u tibda timxi. Qalilhom jagħtuha tiekol, biex tkompli
timxi ’l quddiem bil-ħila tagħha, ma tibqax tiddependi fuq l-oħrajn.
Id-dettal ta’ tnax-il sena jgħaqqad
il-fejqan tat-tfajla mal-fejqan tal-mara: tnax-il sena tat-tifla ta’
Ġajru u tnax-il sena tal-marda tal-mara. Bħas-soltu dawn
id-dettalji fl-Evanġelju m’humiex għalxejn. In-numru tnax huwa
importanti, għax tnax kienu t-tribù ta’ Iżrael. X’aktarx il-mara u
t-tfajla jirrappreżentaw il-poplu ta’ Iżrael, marid u “wasal fl-aħħar”
bin-nuqqas ta’ fidi. Xi wħud setgħu ħasbu li dan
il-poplu kien definitivament mejjet. Iżda Ġesù jieħdu f’idejh
u jagħmel mod li Alla jerġa’ jagħtih il-ħajja mill-ġdid.
Fil-fatt, is-soċjetà Lhudija ta’ żmienu,
li kienet tkasbar il-midinbin, il-foqra u l-morda, bl-liġijiet li firdu
u qasmu l-poplu f’puri u impuri. Għal Ġesù din is-soċjetà kienet “waslet fl-aħħar”, fi
tmiemha. Biex terġa tieħu l-ħajja kien hemm bżonn il-fidi
- li temmen f’Ġesù u fil-messaġġ tiegħu. Ġesù, b’ħajtu u b’tagħlimu,
ġie biex iwaqqaf soċjetà ġdida, is-Saltna ta’ Alla,
Saltna li ma twarrab lil ħadd u
ma toqtol soċjalment lil ħadd, anzi toħloq solidarjetà bejn
il-bnedmin (ara t-Tieni Qari). Ir-rakkont ta’ San Mark għandu l-istess
messaġġ tal-kliem aħrax ta’ Ġesù f’San Mattew dwar
is-Saltna “Tassew ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin
qabilkom fis-Saltna ta’ Alla” (Mt
21,31). F’dan ir-rakkont San Mark jagħtina dehra ta’
dak li kellu jiġri fl-aħħar parti tal-Evanġelju tiegħu.
L-aħbar tal-mewt tat-tifla ta’ Ġajru kien jidher li se jtemm ħesrem
il-mixja ta’ Ġesù ma’ missierha. Imma Ġesù, għalkemm sema’
x’qegħdin jgħidu, ħeġġeġ għall-fidi: “Tibżax,
biss inti emmen.” Bl-istess mod id-dixxipli u l-qarrejja
tal-Evanġelju, meta jisimgħu l-aħbar tal-mewt ta’ Ġesù
jridu jkomplu l-mixja tal-fidi. Il-mewt ta’ Ġesù mhix it-tmiem
tal-missjoni messjanika tiegħu. Fil-fatt, fl-Evanġelju ta’ San
Mark, il-kelma li juża biex jiddeskrivi ir-reazzjoni ta’ dawk li raw
il-qawmien tat-tfajla, “baqgħu miblugħin”[2],
nerġgħu nsibuha darb’oħra biss - meta n-nisa ħadu l-aħbar
tal-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt: “U baqgħu miblugħin
bil-biża’” (Mk 16,8). L-Evanġelju għal ħajjitna
llum.
|