|
|
||
| HOME |
APRIL 2008 |
|
|
Fl-1610 in-nies ta’ Ħal Tarxien ressqu talba uffiċjali lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi biex jibnu knisja ġdida. Min għamel il-pjanti imita ħafna l-knisja ta’ San Ġwann li kienu bnew il-kavallieri fil-Belt Valletta. Jidher li lejn l-1627 il-bini tal-knisja kien avanzat ħafna.
Il-Kampnari: Il-faċċata kienet kompluta b’par kampnari ta’ stil manjeristiku. Dan għamel il-knisja ta’ Ħal Tarxien l-ewwel waħda barra l-belt li kellha par kampnari. Għalkemm jixbħu ħafna ‘l dawk ta’ San Ġwann il-pjanta tal-kampnari ta’ Ħal Tarxien hija rettangolari u mhux kwadra. Differenza oħra hi li l-piramidi li jagħlqu l-kampnari huma tal-ġebel waqt li dawk ta’ San Ġwann oriġinarjament kienu ta’ l-injam. Sa qabel is-snin sebgħin il-piramidi ta’ Ħal Tarxien kienu forma ta’ lembut li kien jibda minn nofs il-kampnar minn ġewwa u jagħlaq kull ma jmur. Meta sar ir-restawr fis-snin sebgħin l-istruttura nbidlet għal kollox. Sar saqaf tal-konkos u fuqu nbnew il-piramidi.
L-Ewwel Qanpiena: X’inhuma l-kampnari bla qniepen? In-nies ta’ Ħal Tarxien ma ħallewx wisq żmien jgħaddi biex ordnaw qanpiena. Intgħażel il-funditur Pietro Sances li nsibuħ jirċievi s-somma ta’ 250 skud għall-qanpiena li kienet tiżen 8 qnatar u 50 ratal (madwar 680 kilogram). Din il-qanpiena għandha diametru ta’ 96 ċentimetru u l-aħħar użu tagħha kien li l-arloġġ idoqq is-siegħat fuqha. Waqt li qiegħda ssir manutenzjoni fuq il-qniepen din il-qanpiena sejra tieħu l-attenzjoni li jixirqilha.
It-Tieni Qanpiena - Il-Qadima: Fl-1752 il-knisja tagħna ġiet regalata qanpiena oħra, dik li għal ħafna żmien kienet magħrufa bħala “il-kbira” u issa tissejjaħ “il-qadima”. Dak iż-żmien il-funditur ta’ l-ordni kien Aloisio Bouchut. Dan ġie kummissjonat biex jagħmel qanpiena b’dijametru ta’ metru u 22 ċentimetru u naqax fuqha il-kliem: “B’rahan tal-qima ta’ Antonio Barbara lejn l-Imqaddsa Marija mħabbra mill-Anġlu” Dan juri li Antonio Barbara ħallas għal din il-qanpiena. Ta’ din il-qanpiena Bouchut ħa s-somma ta’ 1676 skud. Qabel ma ttellgħet f’postha il-qanpiena tbierket mill-isqof. Fil-preżent il-qanpiena għandha bżonn l-attenzjoni għaliex l-ilsien iħabbat dejjem fuq post wieħed ħaffer il-bronz tagħha. Qiegħed isir intervent biex l-ilsien jiddawwar bi kwart ta’ dawra u b’hekk l-islien ma jibqax iħabbat fuq l-istess post. Barra hekk sejjer jinbidel il-ħadid li jżomm il-qanpiena mdendla mat-travu.
It-Tielet Qanpiena: It-tielet qanpiena li waslet fil-kampnar tagħna inxtrat minn Ħaż Żebbuġ. Din oriġinajament inħadmet għall-familja Azzopardi minn Ħaż Żebbuġ. Inbiegħet għaliex membru ieħor ta’ l-istess familja kien ikkummisjjona qanpiena oħra. Il-parroċċa tagħna ħallset 470 skud għal din il-qanpiena li tiżen 6 qantar u 26 ratal (madwar 117 il-kilogram). Tintuża biex l-arloġġ idoqq fuqha l-kwarti. Din il-qanpiena se jsirilha l-manutenzjoni li hemm bżonn.
Ir-Raba Qanpiena - Il-Kbira: Kellu jgħaddi ħafna żmien biex Ħal Tarxien akkwista qanpiena oħra. Fl-1887 il-Kappillan Dun Franġisk Feliċ Attard ikkumissjona qanpiena li kellha tkun u l-akbar waħda fil-kampnari ta’ Ħal Tarxien. Il-funditur Ġulju Cauchi għamel qanpiena b’diametru ta’ metru u 65 ċentimetru u tiżen 30 qantar u 38 ratal (madwar 2430 kilogram). Għaliha tħallas 341 lira (madwar €790). Il-qanpiena ssemmiet Leonide bħala tifkira tal-ġublew saċerdotali tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Ljun 13. Dan huwa mfakkar b’kitba bil-Latin minquxa fuq il-qanpiena li tghid: “Din il-qanpiena tal-bronz saret fi żmien il-ġublew saċerdotali tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Ljun 13 bil-għajnuna tal-poplu ta’ Ħal Tarxien u bis-sehem tal-Kappillan Dun Franġisk Feliċ Attard D.D. Tbierket bir-rit solenni. A.D. 1887” Fil-preżent il-qanpiena tniżżlet mill-irbit tagħha, tnaddfet u sejra tiddawwar bi kwart ta’ dawra biex l-ilsien ma jibqax iħabbat fejn ħabbat għal dawn l-aħħar mija u għoxrin sena u fetaħ pjaga li raqqet ħafna dik il-parti tal-qanpiena. Inbidel ukoll l-irbit li jdendel il-qanpiena mat-travu tagħha.
Ir-Raba Qanpiena - l-Għawdxija: Kien ilu jinħass il-bżonn ta’ qanpiena oħra biex takkompanja t-tnejn il-kbar waqt id-daqq tal-moti. Ix-xoqqa f’moxtha ġiet meta l-parroċċa ta’ Sannat,, Għawdex riedet tbiegħ qanpiena ta’ madwar 25 qantar (madwar 2000 kilogram) b’dijametru ta’ metru u 47 ċentimetru xogħol il-funditur Ġulju Cauchi, Biex l-affarijiet isiru sew ried jiġi aċċertat li l-qanpiena ta’ Sannat kellha tonalitaÏ li taqbel ma dik tal-qniepen l-oħra. Għal dan il-għan is-Surmast G. Casapinta, dak Iż-żmien Maestro di Cappella ta’ Ħal Tarxien, ġie mqabbad jintona l-qniepen. Fid-19 ta’ Settembru 1938 is-surmast qasam lejn Għawdex biex jintona l-qanpiena. Jidher li kollox kien sewwa għaliex fl-24 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara sar rikors fil-kurja ta’ Malta biex il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien tkun tista tixtri l-qanpiena ta’ Sannat. Sadattant tħallset kapparra ta’ ħames liri. Bis-sewwa jew bid-dnewwa l-qanpiena waslet Malta. Il-qanpiena l-Għawdxija fiha minquxa fuqha skrizzjoni bil-Latin sabiħa ħafna. Din tgħid: “Infaħħar lil Alla veru, insejjaħ lill-poplu, niġbor il-kleru, nibki ‘l-mejtin, ingerrex il-maltemp, inżejjen il-festi. A.D. 1891 fi żmien il-Papa Ljun 13, l-Isqof G.M. Camilleri u l-Kappillan G.A. Vella.” (Dawn ta’ l-aħħar huma l-isqof ta’ Għawdex u l-kappillan ta’ Sannat ta’ dak iż-żmien.) Din il-qanpiena għadha fi stat tajjeb iżda l-ilsien għandu bżonn jimtela’ biex titneħħielu l-ħofra li trabbiet maż-żmien. Inbidlilha wkoll il-ħadid li jżommha f’postha. Il-Qniepen iż-żgħar: L-aħħar żewġ qniepen li waslu fostna huma t-tnejn iż-żgħar li jintużaw għall-moti. Dawn huma xogħol il-funderija Prospero Barigozzi u saru fl-1960. Kien żmien it-tifkira ta’ l-elfejn sena min-Nawfraġju ta’ San Pawl u waħda ġiet imsemmija Pawlina. Din ġiet imħallsa mit-Tabib u s-Sinjura Jimmy Farrugia. Għandha dijametru ta’ 85 ċentimetru. Il-qanpiena l-oħra ssemmiet Ġużeppina u b’dijametru ta’ 70 ċentimetru w nofs hija l-iżgħar waħda fil-kampnari tagħna. Dawn iż-żewġ qniepen swew Lm550
|
||