![]() Żgur hawn min qed jaħseb. Dan x’qed jgħid? Aħna mhux dejjem qalulna li r-randan huwa żmien ta’ ċaħda u penitenza? Forsi sa ftit snin ilu ma kienetx il-Knisja stess li trid li l-Kattoliċi jsumu tul ir-randan kollu? Mela kif qed tgħidilna li r-randan mhux żmien il-penitenza. Nispjega ruħi ftit aktar. Naħseb li ħafna drabi jista’ jkollna l-ideja żbaljata dwar l-iskop veru ta’ dan iż-żmien tassew importanti fil-ħajja tal-Knisja. Spiss inħarsu lejn dawn is-seba’ ġimgħat minn nuċċali xi ftit imtappan. Nistħajluh żmien ta’ telqa’, żmien ta’ uċuħ twal u mqarsa, forsi wkoll żmien ta’ niket. L-ideja żbaljata tagħna tista’ wkoll tkun dwar il-penitenza nfisha. Jista’ jkun hemm min jaħseb li s-sawm u l-penitenza huma riservati mill-Knisja għal żmien ir-randan biss. Forsi xi ftit fl-avvent. Imma daqshekk. Imma fil-verità huwa kompletament il-maqlub. La huwa r-randan żmiem il-gdiedem u l-uċuħ imqarsa u lanqas hija l-penitenza riservata biss għal xi żmien partikolari. Ir-randan huwa żmien li matulu l-Knisja tħeġġiġna biex, b’mod aktar minn fi żminijiet oħra niflu sewwa lilna nfusna u mill-ġdid nerġgħu nibdew nagħtu lil Alla dawk il-mumenti f’ħajjitna li nkunu warrabnih minnhom. Alla jrid ikun preżenti f’kull ħin u f’kull attività tal-ġurnata tagħna. Fil-ħajja tan-nisrani m’għandu jkun hemm ebda ċirkustanza li fiha Alla ma jkunux preżenti. Alla tagħna mhux Alla ta’ ġol-knisja biss. Alla tagħna mhux wieħed li jidħol f’ħajjitna sempliċiment fil-mumenti tat-talb u attivitajiet purament reliġjużi. Għan-nisrani ma hemm ebda attività li hija tant sekulari li ma jistax joffriha kompletament lil Alla. U għalhekk ir-randan huwa dak iż-żmien ta’ laqgħa aktar profonda ma’ Alla. Huwa żmien li fih, aktar minn żmien ieħor, jiena mistieden inwarrab dawk il-ħwejjeġ li soltu jaljenawni minn Alla biex b’hekk inħallih jidħol aktar matul il-ġurnata tiegħi. U allura l-iskop kemm tar-randan, kif ukoll tal-penitenza, issir meta ssir, mhux wieħed negattiv imma huwa wieħed għal kollox pożittiv. Huwa wieħed li fih niċċaħħad minn ċerti ħwejjeġ u drawwiet, mhux għax huma ħżiena; dawk irrid inwarrabhom minni s-sena kollha; imma biex nakwista aktar lil Alla. Aktar minn f’kull żmien ieħor, jiena imħajjar biex matul dan iż-żmien nilmah lil Alla li huwa dejjem preżenti f’kull persuna li tidħol f’ħajti u f’kull ċirkustanza li ngħaddi minnha. U għalhekk ir-randan mhux żmien ta’ solitudni li jaqtana mill-oħrajn, imma wieħed ta’ barka u tqaddis. Wieħed li fih aħna mistiedna li nkunu aktar konxji mill-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna u b’hekk nqaddsu l-ġurnata tagħna u ta’ dawk kollu li niltaqgħu magħhom. B’dan il-mod, ir-randan ma jintemmx ma’ l-Irxoxt, imma jilħaq il-milja tiegħu propju dak in-nhar, biex aħna li nkunu mitna ma’ Kristu, mill-ilma ġdid tal-magħmudija nirxuxtaw ġodda miegħu sa minn dil-ħajja stess.
|