Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

L-IMQADDSA MARIJA MTELLGĦA FIS-SEMA

Sena B -

L-IMQADDSA MARIJA MTELLGĦA FIS-SEMA

L-Ewwel Qari: Apok 11,19; 12,1-6.10: Komunità li twelled lil Ġesù.

It-Tieni Qari: 1 Kor 15,20-26: Il-Qawmien ta’ Kristu u ta’ l-Insara.

L-Evanġelju: Lq 1,39-56: L-għeġubijiet ta’ Alla b’risq il-fqajrin.

 

 

MISTOQSIJIET

1. Fiex għandha tikkonsisti l-vera devozzjoni lejn Marija? Bil-fjuri u bix-xema’, jew billi nagħtu sehemna biex jitwettqu t-tamiet tal-foqra, tal-imwarrbin, tal-imkeċċija, tal-imkasbrin?

2. L-ikbar glorja ta’ Marija hi l-maternità tagħha - hi l-omm ta’ Ġesu’. Kif nistgħu nkunu aħna l-“omm” ta’ dawk li għandhom bżonna fil-ħtiġijiet tagħhom?

3. B’liema mod il-Knisja u kull Komunità Nisranija hija msejħa biex tkompli l-missjoni ta’ Marija fid-dinja tal-lum ?

 

Alla Jwettaq it-Tama tal-Fqar

Is-silta ta’ l-Evnġelju tal-lum minn San Luqa tagħmel parti minn sezzjoni akbar li tirrakonta l-ġrajjiet marbuta mat-twelid u ż-żgħorija ta’ Ġesu’. F’dawn ir-rakkonti, San Luqa m’għandux l-iskop li jagħtina d-dettalji preċiżi ta’ kif ġraw  il-ġrajjiet. L-iskop ta’ l-Evanġelju hu li jirrakkonta l-ġrajjiet fid-dawl tal-ġrajja l-kbira tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, u hekk idawwal it-triq tal-fidi ta’ l-ewwel komunitajiet insara. M’għandniex infiittxu f’dawn il-ġrajjiet kurżitajiet storiċi, imma t-tifsira teoloġika tagħhom.

Fir-rakkont tat-tħabbira,  l-Anġlu għarraf lil Marija li Eliżabetta se jkollha iben fi xjuħitha - “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1,37). Marija, min-naħa tagħha, stqarret li hi l-qaddejja tal-Mulej u nisslitu fi ħdanha. Imbagħad, bħala sinjal ta’ qadi, marret tħaffef lejn id-dar ta’ Eliżabetta. Hawn tibda s-silta tal-lum.

1. Iż-żjara ta’ Marija

F’dan ir-rakkont għandna l-laqgħa ta’ żewġ ommijiet. It-tnejn irċevew minn Alla l-grazzja tat-tnissil ta’ ħajja ġdida, meta ma setgħux ikollhom tfal: Eliżabetta għax kienet imdaħħla fiż-żmien, u Marija għax kienet għadha “ma għarfitx raġel”.

Għandna l-laqgħa wkoll ta’ żewġt itfal: Il-Prekursur u l-Messija, it-tnejn imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu: Ġesù mnissel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; Ġwanni l-Battista jaqbeż bil-ferħ fil-ġuf ta’ ommu, li kienet mtliet bl-Ispirtu s-Santu.

Fuq kollox l-Evanġelju jwasslilna l-messaġġ li t-Trinità Qaddisa turi ruħha lill-fqar u tgħix fosthom: il-Missier ħabbar lil Marija bit-tnissil ta’ Ibnu u nebbaħha bir-rigal li ta lil Eliżabetta; l-Ispirtu ta’ Alla nebbaħ lil Eliżabetta li “l-qaddejja tal-Missier” kienet saret “omm Sidi”.

Hekk it-Trinità Qaddisa daħlet fid-dar tal-fqar. L-ismijiet tal-persunaġġi jkomplu jgħinuna nieħdu l-messaġġ: Ġesù, “Alla jsalva”; Żakkarija, “Alla jiftakar”; Eliżabetta, “Alla hu l-milja ta’ kollox”; Marija, “il-maħbuba”.

 

2. It-tifħir lil Marija.

“Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”. Dan il-kliem ta’ Eliżabetta lil Marija nsibuhom ukoll fit-tifħir li t-Testment il-Qadim jagħmel lil żewġ nisa ħelliesa tal-poplu ta’ Alla: Ġagħel, “imbierka fost in-nisa” (Mħ 5,24); u Ġuditta, “Imbierka int, binti minn Alla l-Għoli, imbierka fost in-nisa kollha tad-dinja” (Ġdt 13,18; ara wkoll 13, 19-20). Il-kumplament tat-tislima jfakkar fil-wegħdiet ta’ ħajja ġdida li Alla kien għamel ma’ Iżrael permezz ta’ MoseÏ: “Imbierek ikun il-frott ta’ ġufek, imbierek il-frott ta’ artek, il-frott tal-bhejjem tiegħek; il-frieħ tal-baqar tiegħek, u l-frieħ tal-imrieħel tiegħek ” (Dt 28,4).

“U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?”  Din l-għajta ta’ ferħ ta’ Eliżabetta tfakkar fil-ferħ tas-Sultan David meta laqa’ l-Arka tal-Patt: “Kif jista’ jkun li l-Arka tal-Mulej tidħol għandi?” (2 Sam 6,9). F’Marija naraw l-Arka tal-Patt il-Ġdid, l-Omm li laqgħat fi ħdanha lit-Tfajjel Qaddis, Iben ta’ Alla (Lq. 1,35).

“Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”.  Eliżabetta ferħet lil Marija u sejħitilha “Hienja” mhux biss għall-maternità fiżika tagħha, imma wkoll għax Marija “emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”. Matul l-Evanġelju ta’ San Luqa, Marija tidher bħala l-mudell ta’ min irid ikun dixxiplu tal-Mulej. Ġesù stess stqarr,  “Aktar hienja huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Lq 11,28).

3. It-tiħir ta’ Marija lil Alla.

Għat-tislima ta’ Eliżabetta, Marija nfexxet tfaħħar lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.L-ispirtu ta’ dan il-Kantiku jaqbel ħafna mal-ispirtu ta’ l-ewwel Komunità ta’ Nsara f’Ġerusalemm. Fil-fatt, San Luqa fl-Atti jitkellem fuq it-tifħir lil Alla li kien isir f’din il-Komunità. Jista’ jkun li l-innu kien jitkanta bħala l-Kantiku tal-Ħelsien: L-ewwel komunitajiet insara jfaħħru l-indħil ta’ Alla favur l-imwarrbin u l-muġugħa u kontra l-arroganza tas-setgħana u ta’ l-għonja. Alla juri l-qawwa tiegħu, billi jisma’ l-uġigħ ta’ dawk li jbatu u jagħmel magħhom ħwejjeġ kbar.

San Luqa jqiegħed dan l-innu fuq fomm Marija, għax fis-sentimenti, fl-imġiba u fl-impenn ta’ Marija, aktar milli f’kulħdd, dehret it-tama u l-fiduċja fil-qawwa ta’ Alla. Għalhekk hi titkellem b’awtorità f’isem id-dixxipli Nsara u f’isem il-fqar tad-dinja li jixxennqu għall-ħelsien. Marija hija l-vuċi ta’ dawk li ma għandhomx vuċi. Fil-fatt,  il-Kantiku għandu ħafna mill-innu ta’ radd il-ħajr ta’ Anna, omm Samwel, wara li Alla ħelisha mill-umiljazzjoni ta’ l-isterilità: “Ferħet qalbi bil-Mulej” (1 Sam 2,1-10).

Il-Kantiku ta’ Marija huwa  profetiku, mhux fis-sens li jħabbar il-futur, imma fil-veru sens ta’ profezija, jiġifieri d-denunzja ta’ kull ma hu ħażin u korrott fid-dinja, u t-tħabbira tat-tiġdid. Imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, Marija tinkarna l-valuri l-kbar tal-profeti tat-Testment il-Qadim. Marija hija tabilħaqq profeta mal-profeti l-kbar ta’ Iżrael.

L--Evanġelju ta’ San Mark jagħti lil Marija parti importanti fl-Istorja tas-Salvazzjoni. Is-sehem tagħha jibda fir-rakkont taż-żgħorija ta’ Ġesù, ikompli bil-preżenza tagħha fil-ħajja kollha ta’ Ġesù, u jibqa’ sejjer bil-preżenza tagħha fil-Knisja tal-bidu (ara Atti 1,14). Fl-Istorja tas-Salvazzjoni Marija tirrappreżenta lill-foqra u lill-imkasbra tad-dinja fl-aspirazzjoni tagħhom għall-ħelsien u l-ħajja, kif jixhed il-tifħit tagħha lil Alla.

Il-Kantiku ta’ Marija nistgħu nqassmuh fi tliet parijiet :

- Introduzzjoni (Lq 1,46-47): Tifħir lil Alla, li jwettaq it-tamiet tal-foqra kif jidhru fil-Kantiku ta’ Anna (ara 1 Sam 1,11) u fil-profeta Ħabakuk (Ħab 3,18).

- Il-parti tan-nofs (48-53) tgħidilna għaliex infaħħru lil Alla: Għax dawk li huma “ċkejknin” jaraw it-tamiet tagħhom jitwettqu bil-“ħwejjeġ kbar” li jagħmel magħhom is-Setgħani. Bl-kelmiet “ħwejjeġ kbar” il-Bibbja tesprimi l-indħil ta’ Alla fl-istorja b’risq il-ħelsien (ara Eż 15,1-21). Il-“ħwejjeġ kbar” ta’ Alla huma l-ħelsien ta’ dawk li jsofru u li jittamaw fih.

- L-għeluq jinsisti li fil-ħidma tiegħu favur il-fqar Alla “jiftakar fil-ħniena tiegħu” billi jġedded l-għeġubijiet ta’ l-imgħoddi. Hekk juri l-fedeltà tiegħu lejn il-wegħdiet li għamel  “b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. Żewġ kwalitajiet importanti jidhru f’Marija f’dan ir-rakkont.  Huma eżattament iż-żewġ kwalitajiet li, skond l-Evanġelju ta’ San Luqa, iridu jidhru f’kull dixxiplu u dixxipla: qadi lil Alla, b’attenzjoni sħiħa għall-Kelma tiegħu, u bħala effett ta’ dan, qadi bla kundizzjoni b’risq min hu fil-bżonn.  San Luqa fl-Atti jsejjaħ lill-Insara kollha “qaddejja tal-Mulej” (Atti 2, 18).

L-isem ta’ Marija, “Maħbuba” jurina li Marija kienet “maħbuba minn Alla” bħala l-qaddejja tiegħu, u maħbuba mill-bnedmin bħala qaddejja ta’ Eliżabetta u għas-solidarjetà tagħha mal-foqra u l-imwarrbin tad-dinja, kif jidher mill-Kantiku tagħha.

2. Marija hija l-qaddejja tal-Mulej, dejjem attenta għall-Kelma ta’ Alla, mhux biss kif tinsab fl-Iskrittura, imma wkoll f’dak kollu li jiġri madwarha. San Luqa jgħidilna li “Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2,19). Marija tgħallmet is-siwi divin tal-ħwejjeġ ordinarji ta’ kuljum. Meta Alla daħal fid-dar ta’ Marija, kollox sar divin. Fl-Inkarnazzjoni, is-sema u l-art kienu tħalltu flimkien. “Kemm-il darba aħna fuq din l-art inkunu ittentati nqisu x-xogħol, il-ħobż, it-taħbit, bħallikieku ħwejjeġ vojta minn Alla, profani, indifferenti. Iżda mhux hekk. Jekk Ġesù jinsab fix-xogħol tiegħek, xogħlok huwa mqaddes. Jekk Alla jgħix fit-taħbit tiegħek, it-taħbit tiegħek huwa talba. Jekk f’darek hemm Ġesù, darek hija knisja tassew.

3. “Wara l-Inkarnazzjoni, meta Alla sar bniedem, ir-realtà saret divina għax Ġesù daħal fiha; u int, meta tmiss ir-realtà, tkun qed tmiss dak lu hu divin. Jekk il-Kelma ta’ Alla saret bniedem, kull ma hu tal-bniedem sar Kelma ta’ Alla. Il-ħolqien kollu sar Kelma ta’ Alla. Dak li jidher fil-ħolqien huwa s-sinjal tal-Kelma ta’ Alla, u dak li ma jidhirx hu l-Ispirtu tagħha.