SENA A

 “Għaliex jiekol mal-midinbin,

l-Imgħallem tagħkom?”

10

ĦADD MATUL

IS-SENA

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

KIF GĦANDHA TKUN IL-QIMA TAGĦNA

L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa. - Ħos 6, 3-6


NAGĦARFU L-MULEJ, u nfittxu nagħarfuh iżjed;
daqs kemm hu żgur is-sebħ, hekk il-ħruġ tiegħu;
hu jiġi, bħalma tiġi x-xita fuqna,
bħax-xita nwaħħra illi ssaqqi l-art.

U x’nista’ nagħmel jien għalik, Efrajm?
Għalik x’se nagħmel, Ġuda?
It-tjieba tagħkom qisha s-sħab tal-għodwa,
tixbah lin-nida li tinxtorob kmieni.

Għalhekk onġorthom jiena bil-profeti,
u bi kliem fommi qtilthom,
għax il-ħaqq tiegħi joħroġ qisu dawl.
Għaliex jien tjieba rrid, mhux sagrifiċċju;
li tagħarfu ’l Alla rrid,
u mhux vittmi maħruqa.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 49 - Min jimxi sewwa jara s-salvazzjoni ta’ Alla.

Tkellem il-Mulej, Alla fuq l-allat, u sejjaħ l-art.
Għas-sagrifiċċji tiegħek ma nċanfrikx,
il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi. R/.

Li kont bil-ġuħ, mhux se ngħid lilek,
għax tiegħi l-art u kull ma fiha.
Huwa jien se niekol laħam il-gniedes,
jew nixrob id-demm tal-gidien? R/.

Agħti ’l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.
Imbagħad sejjaħli f’jum id-dwejjaq:
jien neħilsek, u int tweġġahni. R/.

IT-2 QARI - Qari mill- Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 4, 18-25


ĦUTI: Meta ma seta’ jara ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus, skond ma kien intqal lilu, “Hekk għad ikun kotran in-nisel tiegħek.”
U ma naqasx fil-fidi tiegħu, anqas meta ġieb quddiem għajnejh li ġismu kien sarlu bla saħħa, għax kien għoddu laħaq il-mitt sena, u li ġuf Sara kien mejjet. Quddiem il-wegħda ta’ Alla ma qagħadx itella’ u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi, u filwaqt li sebbaħ lil Alla, żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu. U kien għalhekk li dan ġie lilu meqjus b’ġustifikazzjoni.
Iżda l-kelmiet “ġie lilu meqjus” ma nkitbux għalih biss, imma se jiġi meqjus ukoll lilna li emminna f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna, li kien mogħti għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.

Hallelujah. Halleluljah.
Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. - Mt 9, 9-13

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Huwa u għaddej Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh.
U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta publikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Rawh il-Fariżej, u qalu lid-dixxipli tiegħu: “Għaliex jiekol mal-publikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?”
Hu semagħhom u qal: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x’jiġifieri “Ħniena nistenna, u mhux sagrifiċċju”; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.”

Il-Kelma tal-Mulej.