|

Ġesù, xħin ra l-folol, ġietu ħasra
minnhom, għax kienu qishom ngħaġ li ma għandhomx ragħaj.
|
SALTNA TA' QASSISIN
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu. - Eż 19,
2-6a
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ulied Israel waslu fid-deżert tas-Sinaj u
waqqfu t-tined fid-deżert. Israel waqqaf it-tined hemm,
biswit il-muntanja. Mosè tela’ ħdejn Alla, u l-Mulej
sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan tgħid lil dar Ġakob u
tgħarraf lil ulied Israel: ‘Intom rajtu x’għamilt
lill-Eġizzjani. Jiena rfajtkom fuq ġwienaħ l-ajkli u
ressaqtkom lejja. Issa, jekk tisimgħu sewwa leħni u tħarsu
l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-ġnus
kollha. Għaliex l-art kolha kemm hi hija tiegħi. Tkunu
għalija saltna ta’ qassisin, ġens qaddis.’ ”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 99 -
Aħna l-poplu ta’ Alla.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
aqdu lill-Mulej bil-ferħ,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.
Kunu afu li l-Mulej hu Alla,
hu ħalaqna w aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-ngħaġ tal-merħla tiegħu. R/.
Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu,
u minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.
IT-2 QARI - Qari mill- Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 5, 6-11
ĦUTI: Meta kien il-waqt, u aħna konna għadna bla saħħa,
Kristu miet għal dawk li kienu bla Alla. Wieħed bilkemm imut
għal bniedem ġust, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel
il-qalb u jmut għal wieħed tajjeb. Iżda Alla wera mħabbtu
lejna, meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna
midinbin.
Mela kemm aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu nsalvaw
permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla! Jekk meta konna għadna
għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’
Ibnu, kemm aktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw
permezz tal-ħajja tiegħu! Mhux hekk biss, imma niftaħru
wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa
ksibna l-ħbiberija ma’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu
permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-messaġġ ta’ din il-ħbiberija.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 9, 36-10,8
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù, xħin ra l-folol, ġietu ħasra minnhom,
għax kienu qishom ngħaġ li ma għandhomx ragħaj. Imbagħad qal
lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad kbir tassew, imma l-ħaddiema
ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema
għall-ħsad tiegħu!”
U sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa
fuq l-ispriti mniġġsa biex ikeċċuhom u biex ifejqu kull
xorta ta’ mard u nuqqas ta’ saħħa. L-ismijiet tat-tnax-il
appostlu huma dawn: l-ewwel, Xmun, li jgħidulu Pietru, u ħuh
Indri, Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew,
Tumas u Mattew il-publikan, Ġakbu ta’ Alfew u Taddew, Xmun
il-Qanagħan, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad biegħu.
Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux
triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma aktar
morru fittxu n-ngħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel. Intom u
sejrin xandru li s-Saltna tas-Smewwiet hija fil-qrib. Fejqu
l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-imġiddmin, keċċu x-xjaten.
B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|