|

"Żewġ
għasafar tal-bejt mhux b’xejn jinbiegħu? U b’danakollu anqas
wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’
Missierkom.... Mela xejn tibżgħu:
intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt."
|
IL-ĦAŻEN U T-TBATIJA FID-DINJA
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija. -
Ġer 20,10-13
F’DAK IŻ-ŻMIEN, Ġeremija qal: Ma nismax ħlief tqassis
bil-kotra, biża’ madwari kollu! “Ixluh! Ħa nixluh!” –
jgħajtu l-ħbieb tiegħi kollha, u jfittxu l-qerda tiegħi:
“Għandu mnejn jitqarraq u negħelbuh, ta’ kollox nitħallsu
minnu!”
Il-Mulej miegħi, bħal raġel ta’ ħila; għalhekk dawk li
jagħmlu għalija jriegħxu, ma jagħmlu xejn, jitħawdu u
jriegħxu bis-sħiħ, għax il-ħsieb tagħhom ma jseħħx; għajb
għalihom li ma jintesa qatt. Int, Mulej ta’ l-eżerċti, li
ġġarrab il-ġust, li tara l-ġewwieni u l-qalb, ħallini nara
l-vendetta tiegħek kontriehom, għax f’idejk ħallejt il-kawża
tiegħi.
Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej, għaliex ruħ l-imsejken
minn id il-ħżiena ħelisha.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 68 -
Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, o Alla.
Minħabba fik nistabar fit-tmaqdir,
il-mistħija tiksili wiċċi.
Sirt barrani għal ħuti,
ulied ommi ma jagħarfunix.
Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,
u t-tagħjir ta’ dawk li jgħajru lilek waqa’ fuqi.
R/.
Imma jien it-talba tiegħi lejk nerfagħha
f’ħin tajjeb Mulej.
Fil-kobor ta’ tjubitek weġibni, o Alla.
Weġibni, Mulej, għax tjubitek mill-aħjar,
fil-kobor tal-ħniena tiegħek dur lejja. R/.
Jaraw hekk l-imsejkna u jifirħu;
u qalbkom tgħix, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
u ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.
Ifaħħruh is-sema u l-art,
l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom. R/.
IT-2 QARI - Qari mill- Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 5, 12-15
ĦUTI: Bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja
daħal id-dnub u permezz tad-dnub, il-mewt, u hekk il-mewt
laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu-
Għax sakemm kienet għadha ma wasletx il-liġi, id-dnub kien
ġa fid-dinja; imma d-dnub ma kienx meqjus, ladarba liġi ma
kienx hemm. Madanakollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa
Mosè, imqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’
Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.
Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija
waħda mietu kotra, aktar u aktar il-grazzja ta’ Alla u d-don
mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed, li hu Ġesù Kristu,
xterdu bil-bosta fuq il-kotra.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Fi tjubitek żommni ħaj, Mulej,
u nħares l-ordnijiet ta’ fommok.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 10, 26-33
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux
mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u
xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom
fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom
xandruh minn fuq il-bjut.
U tibżgħux minn dawk li joqtlu lill-ġisem bla ma jistgħu
joqtlu lir-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred
kemm lir-ruħ u kemm lill-ġisem fl-infern. Żewġ għasafar
tal-bejt mhux b’xejn jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed
minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ Missierkom.
Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela
xejn tibżgħu: intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.
Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, jien
ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu
fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien
ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|