SENA A

 Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili.

13

ĦADD MATUL

IS-SENA

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

"Min jilqa lilkom, jilqa lili..."

IL-ĦTIEĠA TAL-KNISJA

L-1 QARI - Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten. - 2 Slat 4, 8-11. 14-16a


JUM WIEĦED Eliżew għadda sa Sunem; u jkun hemm mara minn familja għolja, li żammitu għandha għall-ikel. U hekk ġara li, kull darba li kien jgħaddi minn hemm, kien jasal sa għandha għall-ikel. Hi qalet lil żewġha: “Issa, ara, jiena naf li dan li dejjem jgħaddi sa għandna hu raġel qaddis ta’ Alla. Ejja nibnu kamra żgħira fuq, u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu u mnara, biex meta jiġi għandna joqgħod fiha.” Mela jum wieħed, meta mar hemmhekk, daħal fil-kamra ta’ fuq u mtedd hemm. U qal: “X’nistgħu nagħmlu għaliha din il-mara?” U Ġieżi wieġbu: “Kos, din ma għandhiex tfal, u żewġha xiħ!” Qallu Eliżew: “Sejħilha.” Dak sejħilha, u hi waqfet fil-bieb. U qalilha: “Bħal dil-ħabta, meta jasal iż-żmien, inti tkun qed tħaddan iben.”

Il-Kelma tal-Mulej.



SALM RESPONSORJALI - Salm 88 - It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni,
minn nisel għal nisel
b’fommi nxandar il-fedeltà tiegħek.
Għax jien għidt: “Il-ħniena hi mwaqqfa għal dejjem;
fis-sema int wettaqt il-fedeltà tiegħek. R/.

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl tal-ħarsa tiegħek.
B’ismek jithennew il-jum kollu,
u bis-sewwa tiegħek jitgħollew. R/.

Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom;
għal tjubitek nerfgħu rasna fil-għoli.
Għax il-Mulej it-tarka tagħna,
il-Qaddis ta’ Israel, is-sultan tagħna. R/.



IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 6, 3-4, 8-11

ĦUTI: Ma tafux li aħna, li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Aħna ndfinna miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt, biex kif Kristu qam mill-imwiet bil-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk ukoll aħna ngħixu ħajja ġdida.
Jekk mitna ma’ Kristu, nemmnu li wkoll ngħixu miegħu. Aħna nafu li Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar: il-mewt ma ssaltanx iktar fuqu. Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; imma issa qiegħed jgħix għal Alla. Hekk intom, qisu ruħkom mejta għad-dnub, imma ħajjin għal Alla, marbutin ma’ Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Is-Salvatur tagħna, Kristu Ġesù, qered il-mewt,
u wera fid-dawl il-ħajja permezz ta’ l-Evanġelju.
Hallelujah.



L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. - Mt 10, 37-42

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb ’il missieru jew ’l ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew ’il bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib ’il ħajtu, jitlifha; u min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ ’l dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn iż-żgħar għax hu dixxiplu, tassew, ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.