|

|
ĠESỪ TA’ QALB ĦELWA U UMLI
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija. - Żakk 9,
9-10
DAN JGĦID IL-MULEJ: Imtela bil-hena, bint Sijon; agħjat
bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, s-sultan tiegħek ġej għandek;
huwa ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’
ħmara.
Hu jeqred il-karru minn Efrajm u ż-żiemel minn Ġerusalemm;
jinqered il-qaws tal-gwerra. Hu jxandar il-paci lill-ġnus,
il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar, u mix-xmara sat-trufijiet
ta’ l-art.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 144 -
Inbierek ismek għal dejjem, Mulej.
Ngħollik, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kull jum inbierkek u
nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.
Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,
u ħnientu akbar minn kull ma għamel. R/.
Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej,
u ħbiebek iberkuk:
is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Iwieżen il-Mulej kull min se jaqa’,
u jqajjem ’l kull min imil. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 8, 9. 11-13
ĦUTI: Intom ma tgħixux skond il-ġisem, imma skond l-Ispirtu,
ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd
ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.
Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet
jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet
iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut,
bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.
Hekk mela, ħuti, aħna midjunin, imma mhux mal-ġisem biex
ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem,
tmutu; imma jekk tmewtu bl-Ispirtu l-għemil tal-ġisem,
tgħixu.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
li wrejt il-misteri tas-saltna liċ-ċkejknin.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 11, 25-30
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid
is-sema u l-art, talli inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min
hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken.
Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek. Kollox
kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben
ħlief il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben
u dak li l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u
jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu
minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa w umli, u intom issibu
mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol
tiegħi ħafif.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|