SENA A

 “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’.

15

ĦADD MATUL

IS-SENA

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

"Huwa u jiżra’, xi żerriegħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin."

IL-KELMA TA’ ALLA IRRIDU NGĦIXUHA

L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. - Is 55, 10-11

Dan jgħid il-Mulej:
BĦALMA X-XITA U S-SILĠ jinżlu mis-smewwiet u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 64 - Iż-żerriegħa waqgħet f’art tajba, u għamlet il-frott.

Mulej, inti żżur l-art u ssaqqiha,
u tagħniha bil-ġid tiegħek.
Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma;
il-qamħ tagħhom hejjejtilhom. R/.

Hekk int thejjiha:
issaqqi r-raddi u twitti t-tub tagħha,
bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.
Fawwart is-sena bi tjubitek,
triqatek bil-ġid joqtru. R/.

Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert,
u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.
Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel,
il-widien jinksew bil-qamħ;
jgħajtu lkoll u jgħannu bil-ferħ. R/.

IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 8,18-23

ĦUTI: Jiena għandi l-fehma sħiħa li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mas-sebħ li għad irid jidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew imxennqa d-dehra ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh, iżda minħabba dak li xeħtu taħtha – bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir, u jiksbu l-ħelsien tas-sebħ ta’ wlied Alla.
Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nnifisna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Hienja dawk li, b’qalb imhejjija mill-aħjar,
iżommu fihom il-kelma ta’ Alla
u jagħmlu l-frott billi jżommu sħaħ fil-fehma.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. - Mt 13, 1-23

(DAK IN-NHAR: Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa max-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli. U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerriegħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejh, ħa jisma’!”)
Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?” Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħarfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma ġiex mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid, ‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset: kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom.’
Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu ħafna jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx u jisimgħu dak li qedgħin tisimgħu intom u ma semgħuhx! Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’.
Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba fil-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta’ l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew, hu jagħmel il-frott, dan jagħmel mija, dak sittin u l-ieħor tletin.”

Il-Kelma tal-Mulej.