|

“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed
raġel li żera’ żerriegħa tajba fil-għalqa tiegħu. Iżda xħin
in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żera’ s-sikrana
qalb il-qamħ u telaq. ..."
|
QUDDIEM IL-ĦAŻEN
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb ta’ l-Għerf. - Għerf 12,
13.16-19
MA HEMMX ALLA ĦLIEFEK, li tieħu ħsieb kollox,
u ma għandek turi lil ħadd li ma tonqosx meta tagħmel
il-ħaqq.
Il-qawwa tiegħek hi l-għajn tal-ġustizzja,
u għax int sid ta’ kulħadd int kollox tagħder.
Meta n-nies ma jemmnux fil-milja tal-qawwa tiegħek int
turiha,
u trażżan ’il dawk li, għad li jafuha, jitkabbru miegħek.
Għalkemm int sid il-qawwa
int tagħmel il-ħaqq bil-ħniena,
u b’kotra ta’ tjieba int tmexxina;
int għandek is-setgħa, tagħmel li trid.
B’dawn l-għemejjel tiegħek int għallimt lill-poplu tiegħek
li l-bniedem ġust irid ikun ħanin.
It-tama sabiħa int tajt lil uliedek,
u tagħti lill-midinbin żmien għall-indiema.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 85 - Mulej, inti tajjeb u
taħfer.
Int, Mulej, tajjeb u taħfer,
u kollok tjieba għall kull min isejjaħlek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,
isma’ l-leħen ta’ l-ilfiq tiegħi. R/.
Il-ġnus kollha, li għamilt,
jiġu jinxteħtu quddiemek,
u jsebbħu ismek, Sidi.
Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;
Int waħdek Alla! R/.
Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb,
iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
Ħares lejja u ħenn għalija,
agħti qawwa lill-qaddej tiegħek. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lir-Rumani. - Rum 8, 26-27
ĦUTI: L-Ispirtu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax
aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu
stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax
jitfisser bil-kliem u Dak li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub
jaf x’inhi x-xewqa ta’ l-Ispirtu, kif bit-talb tiegħu jidħol
għall-qaddisin skond ma jrid Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Il-Kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,
u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 13, 24-43
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lin-nies din il-parabbola:
“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żera’
żerriegħa tajba fil-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu
reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żera’ s-sikrana qalb il-qamħ u
telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat
ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid il-għalqa u
qalulu, “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fil-għalqa
tiegħek? Mela dis-sikrana minn fejn ġiet?” Iżda hu qalilhom,
“Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.” “Tridx, immorru
niġbruha?” qalulu l-qaddejja. “Le”, qalilhom, “għax intom u
tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll.
Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad
jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel,
u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ
fil-maħżen tiegħi.”
Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet
tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad
u żeragħha fil-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda
fost iż-żrieragħ kollha; iżda meta tikber, tkun l-akbar
waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta’
l-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha.” Qalilhom parabbola
oħra: “Is-Saltan tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda
mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun
għoliet il-għaġna kollha.”
Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi
parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien
ingħad permezz tal-profeta, meta qal, “Niftaħ fommi
bil-parabboli, nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija sa mit-twaqqif
tad-dinja.”
Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli
tiegħu u qalulu: “Fissrilna l-parabbola tas-sikrana
fil-għalqa.” U weġibhom: “Dak li jiżra ż-żerriegħa t-tajba
huwa Bin il-bniedem. Il-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa
tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin,
u l-għadu li żeragħha huwa x-xitan. Il-ħsad ifisser tmiem
id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana
jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja.
Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra
mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel
il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun
hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru
jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu
widnejn, ħa jisma’!”
Il-Kelma tal-Mulej.
|