|

“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor
moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu
ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik il-għalqa.
..."
|
IT-TEŻOR TA’ ĦAJJITNA
L-1 QARI - Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten. - 1
Slat 3, 5-6a, 7-12
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm
bil-lejl. “Itlobni xi ħaġa x’nagħtik,” qallu Alla. U wieġbu
Salamun: “Mulej Alla tiegħi, lili qaddej tiegħek għadek kemm
qegħidtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni
daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej
tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li inti għażilt, poplu
hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu biex isir jaf kemm fih.
Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ li malajr jifhem,
biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb
mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan
il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”
Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk Alla
qallu: “Ladarba tlabt dil-ħaġa, u ma tlabtx ħajja twila jew
ħafna ġid, u anqas ma tlabt il-qerda ta’ l-għedewwa tiegħek,
imma tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi, ara, se
nagħmel kif għidt int. Ara, qiegħed nagħtik moħħ għaref u
għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas
warajk ma jkun hawn.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 118 - Kemm inħobbha l-liġi
tiegħek, Mulej.
Sehmi hu, Mulej, jien għidt,
li nħares il-kelma tiegħek.
Tajba għalija l-liġi ta’ fommok,
aqwa mill-eluf ta’ deheb u fidda. R/.
Ħa tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skond il-wegħda tiegħek lill-qaddej tiegħek.
Ħa tilħaqni t-tjieba tiegħek biex ngħix,
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi. R/.
Għalhekk ħabbejt il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb, u mid-deheb l-aktar fin.
Għalhekk lejn il-preċetti tiegħek kollha nimxi;
nobgħod kull triq qarrieqa. R/.
Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek;
għalhekk tħarishom ruħi.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min hu bla għerf. R/.
IT-2 QARI - Qari mill- Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lir-Rumani. - Rum 8, 28-30
ĦUTI: Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox
jaħdem id f’id magħħom għall-ġid, ma’ dawk li huma msejħin
skond il-providenza tiegħu.
Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom
ukoll biex jieħdu sura xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun
il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ippredestinahom,
sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll;
lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, sebbaħhom ukoll.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Iftaħli għajnejja, Mulej,
ħa nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. -
Mt 13,44-52
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna
tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed
raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma
jkollu u jixtri dik il-għalqa.
Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah ukoll lil wieħed negozjant
ifittex ġawhar fin, meta sab waħda tiswa ħafna, mar biegħ
kull ma kellu u xtara lilha.
Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah ukoll lil xibka mixħuta l-baħar
li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt,
u joqogħdu bilqiegħeda, jiġbru fil-kannestri dak li hu
tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli
joħorġu jifirdu l-ħżiena mit-tajbin, u jixħtuhom
fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż
tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk
kull imgħallem tal-Liġi li jkun sar dixxiplu tas-Saltna
tas-Smewwiet jixbah lil wieħed Sid li, mill-ħażna tiegħu,
joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|