|

X’ħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu
resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel
sewwa. Ibgħathom in-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru
x’jieklu.”
|
IKEL BIX-XABA’
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. - Is
55, 1-3
DAN JGĦID IL-MULEJ:
Intom li bikom il-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li ma għandkomx flus,
ejjew ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhux ħobż
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
skond il-wegħdiet li mħabbti għamlet lil David.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 144 -
Mulej, inti ttaffi x-xewqat tagħna.
Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,
u ħnientu akbar minn kull ma għamel. R/.
Għajnejn kulħadd fik jittamaw, Mulej,
u inti f’waqthom tagħtihom jieklu:
int tiftaħ idek,
u ttaffi x-xewqa ta’ kull min jgħix. R/.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
IT-2 QARI - Qari mill- Ittra
ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 8, 35.37-39
ĦUTI: Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Taħbit,
dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, tiġrib, xabla? Imma
f’dan kollu aħna noħorġu tassew rebbieħa, bis-saħħa ta’ dak
li ħabbna.
Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la
l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la li ġej, la s-setgħat, la
l-għoli u anqas il-fond, u ebda hliqa oħra, ma jistgħu qatt
jifirduna mill-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù Sidna.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. -
Mt 14, 13-21
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Meta sema’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni
l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu
f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh
bil-mixi mill-ibliet. X’ħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra
kbira ta’ nies u tħassarhom u fejqilhom il-morda tagħhom.
X’ħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu:
“Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom in-nies,
ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” Imma Ġesù qalilhom:
“Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.” U
huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u zewġ
ħutiet.” “Ġibuhomli hawn,” qalilhom.
Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq
il-ħaxix, ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, refa’ għajnejh
lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli,
u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’: u ġabru l-bċejjeċ li fadal u mlew
bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk
li kielu, barra min-nisa u t-tfal.
Il-Kelma tal-Mulej. |