|

Pietru niżel mid-dgħajsa u qabad jimxi
fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien
qawwi, beża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid:
“Salvani Mulej!” Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’
fidi żgħira,” qallu, “għaliex iddubitajt?”
|
DIFFIKULTAJIET FIL-ĦAJJA NISRANIJA
L-1 QARI - Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten. - 1
Slat 19, 9a, 11-13a
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja ta’
Alla. Hemmhekk daħal fil-għar u għadda l-lejl ġo fih.
Imbagħad il-Mulej qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja
quddiem il-Mulej.”
U ara, il-Mulej għadda: riħ qawwi, b’saħħa li jofroq
il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma
l-Mulej ma kienx f’dak ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżżet
l-art, imma l-Mulej ma kienx f’dik it-theżżiża. U wara t-theżżiża
kien hemm nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar
inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu
bil-mantell, ħareġ barra u waqaf f’bieb il-għar. ”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 84 - Uri lilna, Mulej, it-tjieba
tiegħek.
Ħa nisma’ x’jgħid Alla l-Mulej,
għax hu jitkellem fuq is-sliem.
Qrib tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex tgħammar il-glorja f’artna. R/.
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ħaqq u s-sliem jitbewsu;
is-sewwa mill-art jinbet,
u l-ħaqq mis-sema jittawwal. R/.
Il-Mulej jagħti l-ġid,
u artna l-frott tagħha;
il-ħaqq quddiemu jimxi,
u s-sliem fi triq il-mixi tiegħu. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lir-Rumani. - Rum 9, 1-5
ĦUTI: Ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m’iniex nigdeb,
texhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, li
jiena mnikket għall-aħħar, il-ħin kollu qalbi maqsuma, għax
nixtieq li jiena nnifsi kont maqtugħ minn Kristu minħabba
f’ħuti, nies ġensi skond il-ġisem, li huma l-Iżraelin.
Tagħhom hija l-adozzjoni u s-sebħ, u l-pattijiet u l-liġi, u
l-liturġija u l-wegħdiet; tagħhom huma l-patrijarki; u kien
minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox,
Alla mbierek għal dejjem. Amen!
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Il-mogħdijiet tiegħek, Mulej, għarrafni,
mexxini fis-sewwa tiegħek.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. -
Mt 14, 22-33
WARA LI N-NIES KIELU U XEBGĦU, Ġesù minnufih ġiegħel
lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt
l-ieħor, sakemm jibgħat in-nies. Wara li bagħat in-nies,
tela’ waħdu fuq il-għoljiet biex jitlob.
Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu; id-dgħajsa
kienet diġa f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom
ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa
tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u
twerwru. “Dan xi fantasma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’.
Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena
hu, tibżgħu xejn!” Wieġbu Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa
int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.” “Ejja”, qallu Ġesù.
Pietru niżel mid-dgħajsa u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq
lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, beża’, ħabat
jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani Mulej!” Malajr
Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira,” qallu,
“għaliex iddubitajt?”
Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk
li kienu fid-dgħajsa xteħtu quddiemu u qalulu: “Tassew, int
Bin Alla!”
Il-Kelma tal-Mulej.
|