|
IL-FALLIMENT TAL-BNIEDEM:
ID-DNUB
L-1 QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.
Ġen 2, 7-9, 3, 1-7
Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab
ta’ l-art u nefaħlu n-nifs tal-ħajja fi mnifsejh, u l-bniedem
ħa r-ruħ. Imbagħad il-Mulej Alla ħawwel ġnien f’Għeden, lejn
il-Lvant, u fih qiegħed lill-bniedem li kien sawwar. U l-Mulej
Alla nibbet mill-art kull għamla ta’ siġar, li kienu
jgħaxxquk tarahom u tajbin għall-ikel. U f’nofs il-ġnien
kien hemm is-siġra tal-ħajja u s-siġra tal-għerf dwar it-tajjeb
u l-ħażin.
Is-serp kien l-iżjed ħażin fost l-annimali
selvaġġi kollha li l-Mulej Alla għamel. Lill-mara qalilha:
“Minnu li Alla qalilkom biex ma tieklu minn ebda siġra
tal-ġnien?” Il-mara weġbitu lis-serp: “Aħna mis-siġar kollha
nistgħu nieklu; iżda mill-frott tas-siġra li hemm f’nofs
il-ġnien Alla qalilna, ‘Tiklux minnu u la tmissuhx, biex ma
tmutux.’” U s-serp qal lill-mara: “U le, ma tmutux! Dak għax
Alla jaf li, malli tieklu minnu, għajnejkom jinfetħu u ssiru
bħal Alla, tagħarfu t-tajjeb u l-ħażin.”
U l-mara rat li s-siġra kienet tajba
għall-ikel u tiġbdek tħares lejha, siġra għad-dehen ta’ min
jixtieqha; u ħadet mill-frott tagħha u kilitu, u magħha tat
lil żewġha wkoll, u kiel. U għajnejn it-tnejn infetħu u
ntebħu li kienu għarwenin; u ħietu weraq tat-tin ma’ xulxin
u għamlu ħżimijiet għalihom.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 50
Ħenn għalina, Mulej, għaliex dnibna.
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek,
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi,
naddafni mid-dnub tiegħi.
R/.
Għax jien nistqarr ħtijieti,
dnubieti dejjem quddiemi.
Quddiemek biss jien dnibt,
u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.
R/.
Oħloq fija, o Alla qalb safja,
ġedded ġewwa fija ruħ sewwa.
La twarrabnix minn quddiemek,
u tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.
R/.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Mulej, iftaħli xofftejja,
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
R/.
IT-2 QARI
Rum 5, 12-19
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Ħuti: Bħalma kien permezz ta’ bniedem
wieħed li fid-dinja daħal id-dnub u, permezz tad-dnub,
il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax
kollha dinbu –
(Għax sakemm kienet għadha ma waslitx
il-liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja; imma d-dnub ma kienx
meqjus, ladarba liġi ma kienx hemm. Madankollu l-mewt
saltnet ukoll minn Adam sa Mose`, imqar fuq dawk li ma
waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’
dak li kellu jiġi.
Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija. Għax jekk
permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar
il-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem
wieħed, li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra. U
d-don anqas ma hu bħall-frott ta’ dak il-wieħed li dineb.
Għax tassew, il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed wassal
sal-kundanna, iżda d-don mogħti wara ħafna dnubiet iwassal
għall-ġustifikazzjoni.)
Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed
saltnet il-mewt permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar
dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don
tal-ġustifikazzjoni għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’
wieħed, li hu Ġesù Kristu.
Mela bħalma bil-ħtija ta’ wieħed waslet
il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra
tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni
li tagħti l-ħajja. Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem
wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’
wieħed il-ħafna jsiru ġusti.
Il-Kelma tal-Mulej.
GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix,
imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 4, 1-11
F’dak iż-żmien: L-Ispirtu ħa ’l Ġesù fid-deżert
biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum
u erbgħin lejl u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u
qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.”
Iżda Ġesù wieġeb: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż
biss igħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”
Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt
imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-Tempju, u qallu: “Jekk
inti Bin Alla, inxteħet għal isfel: għax hemm miktub li
‘lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’ u li ‘fuq
idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’”
Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll, ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla
tiegħek.’”
Għal darba oħra ix-xitan ħadu miegħu fuq
muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja
bil-glorja tagħħom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek
jekk tinxteħet tadurani.” Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan!
Għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura,
u lilu biss taqdi.’ ”Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U ara, ġew
xi anġli jaqduh.
Il-Kelma tal-Mulej.
|