ŻMIEN

L-AVVENT

 

SENA A

IL-MIĠJA TA’ BIN IL-BNIEDEM

1

ĦADD

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

 

L-1 QARI
Qari mill-ktieb tal-Profeta Isaija.
Is 2, 1-5

Il-ħwejjeġ li ra Isaija, bin Għamos, dwar Ġuda u Ġerusalem. Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji u tintrefa’ ’l fuq mill-għoljiet. Lejha għad jiġru l-ġnus kollha, kotra sħiħa ta’ popli għad jiġu u jgħidu: “Ħalli mmorru u nitilgħu fuq il-għolja tal-Mulej, lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakob, biex igħallimna t-triqat tieghu u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu. Għax minn Sijon toħroġ il-liġi, u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalem.”
Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli; u huma jibdlu x-xwabel taghhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jgħallmuhiex iżjed. Ejja, dar Ġakob, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 121
Fraħt meta qaluli: “Immorru f’dar il-Mulej!”

Fraħt meta qaluli:
“Immorru f’dar il-Mulej!”
Diġa’ qegħdin riġlejna
fi bwiebek Ġerusalem.
R/.

Ġerusalem, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda!
Lejha t-tribù jitilgħu,
it-tribù tal-Mulej.
R/.

Minħabba f’ħuti u l-ġirien tiegħi,
jiena ngħidlek: “Is-sliem għalik!”
Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,
infittixlek ir-riżq!
R/.

IT-2 QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 13, 11-14

Ħuti: Intom tafu f’liema żmien qegħdin. Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb issa minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl.
Ngħixu kif jixraq, bħal bin-nhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għejra, imma ilbsu ’l Sidna Ġesù Kristu, u ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

Hallelujah. Hallelujah.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 24, 37-44

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, iżewġu u jiżżewġu, sa dak in-nhar li Noè daħal fl-arka, b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr ’il kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Imbagħad tnejn ikunu fil-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien, waħda tittieħed u l-oħra titħalla; ishru, mela, ghax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema siegħa tal-lejl ikun se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.