ŻMIEN

IL-MILIED

 

SENA A

MARIJA OMM ALLA

1 JANNAR

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

 

L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tan-Numri

Num 6, 22-27

Il-Mulej kellem 'il Mosè u qallu "Kellem lil Aron u 'l uliedu u għidilhom: Meta tbierku 'l ulied Israel, hekk għandkom tgħidulhom:
'Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta' wiċċu fuqek u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem!'
Hekk huma jsejħu ismi fuq ulied Israel, u jiena nberikom."

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 62
Iħenn għalina Alla, u jberikna.

Iħenn għalina Alla, u jberikna,
idawwal wiċċu fuqna!
Ħa tingħaraf triqtek fuq l-art,
u fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

R/. Iħenn għalina Alla, u jberikna.

Jithennew il-ġnus u jgħajtu bil-ferħ,
għax int tagħmel ħaqq mill-popli bis-sewwa,
u tmexxi l-ġnus fuq l-art.

R/. Iħenn għalina Alla, u jberikna.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Ħa jberikna Alla,
u ħa jibżgħu minnu t-trufijiet kollha ta' l-art.

R/. Iħenn għalina Alla, u jberikna.

IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Gal 4, 4-7


Ħuti: Meta waslet il-milja taż-żminijet, Alla bagħat 'l Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta' Ibnu f'qalbna jgħajjat: Abba, Missier! U hekk m'intix iżjed ilsir, iżda iben: u jekk iben, werriet ukoll permezz ta' Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

HALLELUJAH
Hallelujah! Hallelujah!

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b'ħafna modi permezz tal-profeti. Issa, f'dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta' Ibnu.
Hallelujah!

L-EVANĠELU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa
Lq 2, 16-21


F’dak iż-żmien: Ir-ragħajja marru jgħaġġlu lejn Betlehem, u sabu 'l Marija u 'l Ġużeppi u t-tarbija mimduda f'maxtura. Kif raw dawn, għarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar din it-tarbija.
U kull min semagħhom baqa’ mistgħaġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet iżżomm sewwa f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha. Imbagħad ir-ragħajja reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru ’l Alla għal dak kollu li kienu raw u semgħu bħalma kien intqalilhom.
Meta wasal it-tmien jum, li fih kellhom jaħtnu t-tifel, tawh l-isem ta’ Ġesù, kif kien issemma mill-Anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.