|

Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet
waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat
u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David: binti għandha fiha
xitan, u magħdura ħafna.” .... Imbagħad wieġeb Ġesù u
qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif
tixtieq.” U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.”
|
IS-SALVAZZJONI HI GĦAL KULL MIN JEMMEN
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija. - Is 56, 1.6-7
Dan jgħid il-Mulej:
ŻOMMU S-SEWWA w agħmlu l-ġustizzja, għax is-salvazzjoni
tiegħi għoddha waslet, u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt isseħħ.
Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh, u biex
iħobbu isem il-Mulej u jkunu qaddejja tiegħu, kull min
iħares is-Sibt u ma jiksrux u jzomm sħiħ fil-patt tiegħi,
lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u
nferraħhom fid-dar tat-talb tiegħi; il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji
tagħhom ikunu jogħġbuni tiegħla minn fuq l-altar tiegħi,
għax dari “dar it-talb” tissejjaħ għall-popli kollha.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 66 -
Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla.
Iħenn għalina Alla u jberikna,
idawwal wiċċu fuqna!
Ħa tingħaraf triqtek fuq l-art,
u fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.
Jithennew il-ġnus u jgħajtu bil-ferħ,
għax int tagħmel ħaqq mill-popli bis-sewwa,
u tmexxi l-ġnus fuq l-art. R/.
Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Ħa jberikna Alla,
u ħa jibżgħu minnu t-trufijiet kollha ta’ l-art. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 11, 13-15, 29-32
ĦUTI: Ngħid lilkom il-ġnus. Sakemm jiena appostlu tal-ġnus,
nibqa’ nagħmel ġieh lill-ministeru tiegħi, biex forsi
nqajjem il-għira ta’ ġensi, u hekk insalva lil xi wħud
minnhom. Għax jekk it-twarrib tagħhom ġieb is-sliem lid-dinja,
l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid x’ikun ifisser jekk mhux ħajja
mill-imwiet? Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu.
Bħalma fl-imgħoddi intom lil Alla ma kontux tobduh, u issa,
minħabba fid-diżubbidjenza tagħhom, sibtu l-ħniena tiegħu,
hekk issa huma, minħabba fil-ħniena li sibtu intom mingħandu,
mhumiex jobduh, ħalli huma wkoll, meta jkun imisshom, isibu
l-ħniena. Għax Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza,
biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Missier Sidna Ġesù Kristu
idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna,
biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 15, 21-28
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda
mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u
tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David: binti għandha fiha
xitan, u magħdura ħafna.” Iżda hu ma weġibhiex kelma.
Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles
minnha, għax ġejja tgħajjat warajna.” Imma hu qalilhom: “Ma
ġejtx mibgħut ħlief għan-ngħaġ li ntilfu mid-dar ta’
Israel.”
Iżda hi resqet, nxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!”
Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu
lill-ġriewi.” “Hekk hu, Mulej,” qaltlu; “iżda l-ġriewi wkoll
jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”
Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira!
Ħa jsirlek kif tixtieq.” U minn dak il-ħin stess bintha
fieqet.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|