|

Ġesu staqsa lid-dixxipli tiegħu u
qalilhom: “In-nies min igħidu li hu Bin il-bniedem?’’ U huma
weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija; u oħrajn,
Ġeremija jew wieħed mill-profeti.’’ “Imma intom, min tgħidu
li jien?’’ staqsiehom.
|
IL-PAPA: SUĊĊESSUR
TA’ PIETRU
L-EWWEL QARI -
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija - Is 22. 19-23
Dan igħid il-Mulej lil Sebna, dak li jieħu ħsieb il-palazz
tas-sultan: “Jiena nwarrbek mill-uffiċċju tiegħek u nniżżlek
minn postok. Għad jasal iż-żmien meta nsejjaħ lill-qaddej
tiegħi Eljaqim, bin Ħilqija, u llibbsu lbiesek, inħażżmu
bit-terħa tiegħek, u nagħtih is-setgħa tiegħek. Hu jkun
missier għal min igħix f’Ġerusalem u għad-dar ta’ Ġuda.
Inqiegħed fuq spallejh il-muftieħ tad-dar ta’ David: jiftaħ,
u ħadd ma jagħlaq; jagħlaq, u ħadd ma jiftaħ. U nwaħħlu bħal
musmar fis-sod, u jkun tron glorjuż għall-familja ta’
missieru.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
- Salm 137 - It-tjieba tiegħek,
Mulej, tibqa’ għal dejjem.
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
quddiem l-anġli rrid ngħannilek.
Ninxteħet quddiem it-tempju mqaddes tiegħek. R/.
Irrodd ħajr lil ismek
għat tjieba tiegħek u għall-fedelta’ tiegħek.
Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni,
kattartli l-qawwa f’ruħi. R/.
Kbir hu l-Mulej, imma ħsieb iż-żgħar
jieħu,
waqt li l-kburin mill-bogħod iħares lejhom.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx egħmil idejk. R/.
IT-TIENI QARI -
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lir-Rumani - Rum 11, 33-36
Ħuti: Kemm huma kbar il-għana, il-għerf u l-għaqal ta’ Alla!
Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzji tiegħu u
jifhem it-triqat tiegħu! Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej?
Min qatt kien il-kunsillier tiegħu? Min qatt kien hu l-ewwel
li tah xi ħaġa hekk li jkun ħaqqu l-ħlas tagħha? Kollox ġej
minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih. Lilu l-glorja
għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Infaħħrek, Mulej, Sid is-sema u l-art,
għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-saltna.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Mattew. - Mt 16, 13-20
F’dak Iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’
Filippu, Ġesu staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom:
“In-nies min igħidu li hu Bin il-bniedem?’’ U huma weġbuh:
“Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija; u oħrajn,
Ġeremija jew wieħed mill-profeti.’’
“Imma intom, min tgħidu li jien?’’ staqsiehom. U qabeż Xmun
Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.’’ U Ġesu’
wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun, bin Ġona, għax mhux
bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu
fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din
il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat ta’ l-infern
ma jegħelbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna
tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut
fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul
fis-smewwiet.’’ Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex
ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.
|