|

“Jekk xi ħadd irid
jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u
jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma
min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax x’ikun
jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad
jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex jerġa
jikseb ħajtu?
|
FIT-TRIQ TAS-SALIB
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija. -
Ġer 20, 7-9
Qarraqtni, Mulej, u jiena tqarraqt: kont aqwa minni, u
għelibtni. Jien sirt id-daħk ta’ kuljum, kulħadd jiddieħak
bija. Kull meta nitkellem, jiena ngħajjat u nxandar,
“Moħqrija u ħsara!” Il-kelma tal-Mulej saret għalija tagħjir
u tmaqdir kuljum. U jien għidt: “Ma nsemmihx aktar, ma
nitkellimx aktar f’ismu.” Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,
magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu, ma niflaħx aktar għalih.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 62
Għalik għatxana ruħi, Mulej, Alla tiegħi.
O Alla, int Alla tiegħi!
Għalik inbakkar jiena.
Għalik għatxana ruħi,
ġismi qed inin għalik,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.
Irrid niġi naħseb fik fit-tempju,
biex nara s-setgħa tiegħek u l-glorja tiegħek.
Għax il-grazzja tiegħek aħjar mill-ħajja,
xofftejja jfaħħruk. R/.
Hekk inbierkek ħajti kollha,
u f’ismek nerfa’ idejja.
Bħalma jien nimtela b’ikel li jsemmen,
hekk fommi jgħanni b’xofftejn ferrieħa. R/.
Int kont għajnuna għalija;
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Ruħi miegħek tqabbad,
lili żżommni l-leminija tiegħek. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 12, 1-2
Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla offru ġisimkom bħala
vittma ħajja, qaddisa, li togħġob lil Alla, b’qima
spiritwali.
Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid
ta’ moħħkom, biex iseħħilkom tagħarfu x’inhi r-rieda ta’
Alla, x’inhu t-tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
It-triq tal-preċetti tiegħek fehimni,
biex naħseb fuq l-għeġubijiet tiegħek.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 16, 21-27
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien
meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u
l-qassissin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum
iqum. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħid: “Allaħares,
Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” Iżda Ġesù
dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int
tfixkil għalija, għax mintix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma
qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int.”
Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid
jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u
jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma
min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax x’ikun
jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad
jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex jerġa
jikseb ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’
Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil
kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|