|

“Jekk ħuk jaqa’
f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun
irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek
wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ
bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas
minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-ġemgħa. U jekk
anqas mill-ġemgħa ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u
publikan."
|
NIKKOREĠU LIL XULXIN
L-1
QARI - Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel. - Eż 33, 7-9
Dan jgħid il-Mulej:
U int, bin il-bniedem,
jiena qegħidtek għassies fuq id-dar ta’ Iżrael.
Meta int tisma’ kliemi ħiereġ minn fommi,
għandek twiddibhom f’ismi.
Meta ngħid lill-midneb, ‘Int għandek tmut żgur,’
u int ma titkellimx
u ma twiddibx lill-midneb ħalli jitlaq it-triq tiegħu
u l-midneb imut fi ħżunitu,
demmu minn idejk infittxu.
Jekk inti twiddeb lill-midneb
biex iħalli triqtu u jerġa’ lura minnha
u hu ma jerġax lura minn triqtu u jmut fi ħżunitu,
inti tkun salvajt lilek innifsek.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 94 - Isimgħu leħen
il-Mulej, u la twebbsux qalbkom.
Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nidhru quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.
Ejjew inqimuh mixħutin fl-art,
għarkobbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna,
għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-ngħaġ tiegħu.
R/.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bħal dak in-nhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni missirijietkom,
ippruvawni, għalkemm għemili raw.” R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lir-Rumani. - Rum 13, 8-10
Ħuti: Qisu li ma jkollkom ebda obbligazzjoni lejn ħadd,
ħlief li tħobbu lil xulxin; għax min iħobb lill-proxxmu jkun
żamm il-liġi kollha.
Għax il-kmandamenti “la tiżnix, la toqtolx, la tisraqx, la
tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha
jinġabru f’din il-kelma waħda: “ħobb lill-proxxmu tiegħek
bħalek innifsek.” L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu.
Mela l-imħabba hija l-milja tal-liġi.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Kull min iżomm il-kelma ta’ Kristu,
fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla
fil-milja tagħha.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 18, 15-20
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’
f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun
irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek
wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ
bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas
minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-ġemgħa. U jekk
anqas mill-ġemgħa ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u
publikan.
Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut
fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.
Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu
leħenhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu
fis-smewwiet jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu
miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom.”
Il-Kelma
tal-Mulej.
|