|

“Jekk ħuk jaqa’
f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun
irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek
wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ
bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas
minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-ġemgħa. U jekk
anqas mill-ġemgħa ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u
publikan."
|
NAĦFRU
DEJJEM U LIL KULĦADD
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb ta’
Bin Sirak. - Sir 27, 33-28, 9
Mibegħda u għadab, dawn ukoll ta’ min jistmerrahom;
u l-bniedem midneb iżomm f’qalbu.
Min jivvendika ruħu, il-Mulej jagħmel vendetta minnu
u jżomm il-kont sewwa ta’ dnubietu.
Aħfer lil għajrek id-deni,
u meta inti titlob dnubietek jinħafrulek.
Jista’ bniedem iżomm f’qalbu l-korla għal bniedem ieħor,
u mbagħad jitlob il-fejqan minn għand il-Mulej?
Jista’ ma jkollux ħniena minn bniedem bħalu,
u mbagħad jitlob il-maħfra ta’ dnubietu?
Jekk huwa stess, li hu bniedem tal-laħam, iżomm il-korla,
min se jaħfirlu dnubietu?
Ftakar fi tmiemek, u tobgħodx iktar;
ftakar fil-qerda u l-mewt, u ħares il-kmandamenti.
Ftakar fil-kmadamenti, u żżommx f’qalbek għal għajrek;
ftakar fil-patt tal-Għoli,
u agħlaq għajnejk għal ħtijiet għajrek.
Warrab il-ġlied, u tnaqqas dnubietek.
Il-bniedem imgħaddab isaħħan il-ġlieda.
Il-bniedem midneb iħawwad lill-ħbieb
u jġib il-ġlied fost dawk li qegħdin fis-sliem.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 102 -
Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.
Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej;
kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, ’il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer dnubietek kollha,
li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,
li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra,
li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena. R/.
Mhuwiex dejjem jitlewwem,
anqas dejjem jinkorla.
Ma mexiex magħna skond dnubietna,
ma ħallasniex skond ħtijietna. R/.
Daqs kemm huma s-smewwiet ’l fuq mill-art,
hekk hi kbira l-ħniena tiegħu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.
IT-2 QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 14, 7-9
Ħuti: Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut
għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu,
immutu għall-Mulej. Mela sew jekk ngħixu, sew jekk immutu,
aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun sid
kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja,
u inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 18, 21-35
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi
kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa
seba’ darbiet?” “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet,” qallu Ġesù,
“imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Minn dan jiġi illi s-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha
ma’ wieħed sultan li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja
tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li
kellu jagħtih għaxart elef talent. Ma kellux minn fejn
iroddhomlu, u s-sinjur ordna li jinbiegħ hu, martu, uliedu u
kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej
inxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, “Sinjur,
stabar ftit bija; kollox irroddlok.” Is-sinjur ġietu ħasra
minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu,
li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda
jagħfsu: “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet
quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, “Stabar ftit bija u
nħallsek.” Imma dak ma riedx; mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd
kull ma kellu jagħtih.
Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna;
marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.
Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, “Ja qaddej ħażin,
meta jien ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni
bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek
kif ħennejt jien għalik?” U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih,
u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.
Hekk jagħmel lilkom Missieri tas-smewwiet jekk ma taħfrux
’il xulxin minn qalbkom.”
Il-Kelma
tal-Mulej. |