|

“Is-Saltna
tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni
ħafna jsib nies għax-xogħol u jħaddimhom fil-għalqa tiegħu
tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u
bagħathom il-għalqa. Ħareġ ukoll madwar id-disgħa ta’
filgħodu, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u
qalilhom, “Morru intom ukoll il-għalqa, u nagħtikom li jkun
ħaqqkom”. |
IT-TJIEBA U L-ĠENEROŻITA’
TA’ ALLA
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. - Is
55, 6-9
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
“Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom:
-din hi kelma tal-Mulej-
għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 144 - Qrib il-Mulej lejn
kull min isejjaħlu.
Kull jum imbierkek, Mulej,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, u ta’ min ifaħħru wisq,
u l-kobor tiegħu ma jistax jitqies. R/.
Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum biex jagħdab, u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,
u ħnientu akbar minn kull ma għamel. R/.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Filippin. - Fil 1, 20c-24, 27a
Ħuti: Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix
u sew jekk immut. Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt
hi rebħ. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li
għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma
nafx: ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm
u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; min-naħa l-oħra,
jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom. Ħaġa
waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta’
Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Alla sejħilna permezz ta’ l-Evanġelju,
biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- Mt 20, 1-16a
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din
il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid
li ħareġ filgħodu kmieni ħafna jsib nies għax-xogħol u
jħaddimhom fil-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi
ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom il-għalqa. Ħareġ ukoll
madwar id-disgħa ta’ filgħodu, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza,
bla xogħol, u qalilhom, “Morru intom ukoll il-għalqa, u
nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru. Reġa’ ħareġ għal xi
nofsinhar, u mbagħad għal xi t-tlieta, u għamel l-istess.
Għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofsinhar reġa’ ħareġ u sab
oħrajn qiegħda, u qalilhom, “Għaliex qegħdin hawn il-jum
kollu ma tagħmlu xejn?” Qalulu, “Ghax ħadd ma qabbadna.”
Qalilhom, “Morru intom ukoll il-għalqa.”
Għal filgħaxija mbagħad sid il-għalqa qal lill-prokuratur
tiegħu, “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li
ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk ta’ l-ewwel.” Ġew dawk li daħlu
għax-xogħol għal xi l-ħamsa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew ta’
l-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma
wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu
kontra s-sid u jgħidu, “Dawn ta’ l-aħħar siegħa waħda għamlu,
u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana.”
Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, “Ħabib, minn xejn ma
nqastek jien; mhux b’dinar ftehimt miegħi? Ħu li jmissek u
itlaq. Lil dan ta’ l-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt
lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed
tgħir għax jien qalbi tajba? Hekk ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel,
u ta’ l-ewwel l-aħħar.”
Il-Kelma
tal-Mulej.
|