|

Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li ‘Il-ġebla li
warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej
seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?’ Għalhekk ngħidilkom
li s-Saltna ta’ Alla tittieħed minn għandkom u tingħata lil
ġens li jagħmel il-frott minnha.”
|
IL-GĦALQA TAD-DWIELI:
IL-KNISJA
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. - Is
5, 1-7
Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi
il-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.
Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli
fuq għolja għammiela.
Għażaqha u naddafha miż-żrar,
u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;
bena torri f’nofsha,
u wkoll ħaffer magħsar fiha.
Stennieha tagħmel il-għeneb tajjeb,
iżda kull ma għamlet kien għeneb qares.
U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalem,
irġiel ta’ Ġuda,
agħmlu intom ħaqq bejni u bejn il-għalqa tiegħi.
X’kien fadalli nagħmel lill-għalqa tiegħi
u jien ma għamiltux?
Stennejtha tagħmel il-għeneb tajjeb,
u kull ma għamlet kien għeneb qares.
U issa ħa nurikom
x’sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi.
Inneħħilha l-ilqugħ ta’ madwarha
u jagħtuha n-nar;
inġarrfilha l-ħajt,
biex in-nies tgħaffiġha.
Nagħmel minnha xagħra;
ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,
u jinbet fiha x-xewk u l-ħurrieq.
Jiena ngħid lis-sħab
biex ma jagħmilx xita fuqha!
Għax il-għalqa tal-Mulej ta’ l-eżerċti
hija d-dar ta’ Iżrael;
u l-irġiel ta’ Ġuda
huma x-xitla li biha jitgħaxxaq.
Huwa stenna l-ħaqq,
u ara, sab it-tixrid tad-demm;
stenna s-sewwa,
u ara, sema’ l-għajat.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 79 -
Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar ta’ Iżrael.
Int qlajt dielja mill-Eġittu,
warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
Il-friegħi tagħha sal-baħar meddet,
u ż-żraġen tagħha sax-xmara. R/.
Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,
hekk li jqaċċat minnha kull min jgħaddi mit-triq?
Iħarbatha l-ħanżir tax-xagħri,
u l-bħejjem tar-raba’ jirgħu fiha. R/.
Alla ta’ l-eżerċti, erġa’ ejja:
ħares mis-sema u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet il-leminija tiegħek,
ir-rimja li kabbart għalik. R/.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
aħjina, u aħna nsejħu ismek.
Reġġagħna għal li konna, o Alla ta’ l-eżerċti;
dawwal wiċċek u nkunu salvi.
R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Filippin. - Fil 4, 6-9
Ħuti: Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u
uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’
Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jaħseb,
iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu.
Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru,
kull ma hu xieraq, kull ma hu qaddis, kull ma hu safi, kull
ma jiġbed l-imħabba, kull ma jistħoqqlu l-qima, kull ma hu
virtù, kull ma ħaqqu tifħir; f’dan kollu aħsbu. U kull ma
tgħallimtu u ħadtu minn għandna, u smajtu u rajtu fina, dan
agħmlu. U Alla tas-sliem ikun magħkom.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU -
Qari mill-Evanġelju ta’
San Mattew. - Mt 21, 33-43
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ
tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed raġel
kap ta’ familja, u ħawwel għalqa dwieli; tellgħalha ħajt
tas-sejjieħ madwarha, ħaffrilha magħsar fiha, u bnielha
torri, u qabbilha ’l xi bdiewa. U siefer f’art oħra.
Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand
dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa
qabdu l-qaddejja tiegħu, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor
qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra
aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess. Fl-aħħar bagħtilhom
lil ibnu. ‘Minn ibni jistħu’ qal. Iżda kif raw lil ibnu, il-bdiewa
bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex
il-wirt tiegħu neħduh aħna.’ Qabduh, xeħtuh barra mill-għalqa
u qatluh. Issa sid il-għalqa x’jagħmlilhom ’il dawk il-bdiewa
meta jiġi?” Qalulu: “Jeqridhom qerda ta’ ħżiena li huma, u
l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi
żmienu.”
Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li ‘Il-ġebla li
warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej
seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?’ Għalhekk ngħidilkom
li s-Saltna ta’ Alla tittieħed minn għandkom u tingħata lil
ġens li jagħmel il-frott minnha.”
Il-Kelma
tal-Mulej.
|