|
AĦNA: IL-FAMILJA
TA’ ALLA
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.
- 2, 42-47
F’dak iż-żmien: Id-dixxipli kienu jżommu
sħiħ fit-tagħlim ta’ l-appostli u fil-għaqda ta’ bejniethom,
fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. Waqa’ mbagħad biża’ fuq
kulħadd: għax ħafna kienu l-għeġubijiet u s-sinjali li kienu
jsiru mill-appostli.
Dawk kollha li kienu jemmnu kienu lkoll
flimkien, u kellhom kollox flimkien bejniethom; kienu jbigħu
ħwejjiġhom u ġidhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond
il-ħtieġa ta’ kull wieħed.
U kuljum kienu jmorru t-Tempju flimkien,
kienu jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jieħdu l-ikel tagħhom bi
qlub ferħana u safja. Kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu
kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien
iżidilhom magħhom ’il dawk li kellhom ikunu salvi.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI -
Salm 117
Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!
Ħa tgħid id-dar ta’ Aron:
It-tjieba tiegħu għal dejjem!
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
It-tjieba tiegħu għal dejjem! R/.
B’saħħithom kollha mbuttawni biex naqa’;
imma l-Mulej tani l-għajnuna.
Il-qawwa tiegħi u l-għana tiegħi l-Mulej,
Hu s-salvazzjoni tiegħi.
Għajat ta’ ferħ u rebħ
jinstema’ fl-għerejjex tat-tajbin:
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej:
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.
IT-2 QARI -
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pietru Appostlu. - 1 Pietru 1, 3-9
Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù
Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu tana twelid ġdid li
jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet,
u għal wirt li la jitħassar, la jittebba’ u anqas jinxef.
Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema, għax intom tinsabu
taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla bil-fidi tagħkom
fis-salvazzjoni, li hi lesta biex tidher fl-aħħar
taż-żminijiet.
Għalhekk għandkom tifirħu, ukoll jekk
issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’
ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa
wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi
mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja
u l-ġieh meta jidher Ġesù Kristu. Intom lilu ma rajtuhx,
imma tħobbuh; u, waqt li issa temmnu fih, għalkemm ma
tarawhx, tifirħu b’ferħ li ma jitfissirx u ma jitqjiesx,
hekk tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, is-salvazzjoni ta’
ruħkom.
Il-Kelma tal-Mulej.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Ġwann. - 20, 19-31
Dak il-Ħadd filgħaxija, meta d-dixxipli
kienu flimkien imbeżżgħa mill-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie
Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Il-paċi magħkom!” Kif
qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw
il-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Il-paċi magħkom!
Kif Missieri bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.” Kif
qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu:
id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u d-dnubiet ta’
dawk li żżommu jkunu miżmuma.”
Wieħed mit-Tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi,
ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra
qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax
f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer, jekk ma nqegħidx sebgħi fuq
il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx.”
Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu
kienu ġewwa u Tumas kien magħhom. Il-bibien kienu magħluqa,
imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Il-paċi
magħkom!” Imbagħad qal lil Tumas: “Newwel sebgħek ’il hawn u
ara idejja, u ġib idek u qegħidha fuq ġenbi: qis li ma
tonqosx fik il-fidi, iżda emmen.” Wieġbu Tumas u qallu:
“Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax
rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel
quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan
il-ktieb. Iżda dawn inkitbu biex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija
Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja
f’Ismu.
Il-Kelma tal-Mulej.
|