|

|
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
Is 49, 3. 5-6
Il-Mulej qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena
nkun imfaħħar.’’ U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi
għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura l-Ġakob u
biex Israel jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont
imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa
tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun
il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribu’ ta’ Ġakob u
treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl
għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art
tinfirex.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 39
Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej,
u miel lejja u sema’ l-għajta tiegħi.
Qegħidli f’fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.
R/. Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
Sagrifiċċju u offerta int ma tgħaxxaqtx
bihom,
imma widnejja int ftaħtli.
Vittmi tal-ħruq u tat-tpattija int ma tlabtx.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej.’’
R/. Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
Fil-ftuħ tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, jogħġobni,
u l-liġi tiegħek ġewwa qalbi qiegħda.
R/. Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
ara, xofftejja ma żammethomx magħluqa.
Mulej, int taf.
R/. Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
IT-TIENI QARI
Bidu ta’ l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
1 Kor 1, 1-3
Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu
Ġesu’, u Sostene ħuna, lill-Knisja ta’ Alla li qiegħda
f’Korintu, lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesu’, imsejħa biex
ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż
isejħu l-isem ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, Sid tagħhom u tagħna,
grazzja lilkom u sliem minn Alla Missierna u Sidna Ġesu’
Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’;
inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann
Ġw 1, 29-34
F’dak iż-żmien: Ġwanni ra lil Ġesu’ riesaq lejh, u qal:
“Ara, hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet
tad-dinja! Dan hu li fuqu jiena għedt, ‘Warajja jiġi wieħed
li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Jiena stess ma kontx
nafu: imma jien ġejt mgħammed bl-ilma sewwa sew biex hu jkun
imgħarraf lil Israel.’’
Ġwanni ssokta jixhed: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema
bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, jien ma kontx nafu;
imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma qalli, ‘Fuq min tara
l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’
Dan rajtu b’għajnejja u xhedt: Dan hu l-Iben ta’ Alla.’’
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu
|