ŻMIEN

L-AVVENT

 

SENA A

INDMU GĦAX WASLET

IS-SALTNA TA’ ALLA

2

ĦADD

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

L-1 Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
Is. 11, 1-10.


Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse,
għad tinbet rimja minn egħruqu:
Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej,

l-ispirtu tal-gherf u d-dehen
l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa,
l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej,
(u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej).
Ma jiġġudikax skond ma jidher fil-għajnejn,
u ma jagħtix sentenza skond ma jisma’, iżda
jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja,
U jagħi sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin ta’ l-art.
Isawwat l-art bix-xettru ta’ fommu,
u b’nifs xofftejh jolqot lill-ħażin.
Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja,
u l-fedelta’ l-ħżiem ta’ qaddu.

Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf,
Il-leopard mal-gidi,
U jirgħu flimkien il-għoġol u l-ferħ tal-ljun,
Tfajjel żagħżugħ isuqhom.
Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien,
u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu.
L-iljun bħal gendus jiekol it-tiben.
It-tarbija tal-ħalib
titliegħeb fil-ħofra tas-serp,
u t-tifel miftum
idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.

Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara
fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,
għax mimlija hi l-art bil-għarfien tal-Mulej
Bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.
imbagħad jiġri f’dak il-jum
li l-għerq ta’ Ġesse jieqaf
bħala sinjal lill-popli,
lilu jfittxu l-ġnus
u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 71
Tħaddar f’jiemu l-ġustizza.

Ħa jiġġudika s-sultan il-popli tiegħek bis-sewwa
u imsejknin tiegħek bil ħaqq.
R/.

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja
U s-sliem kotran għal dejjem ta’ dejjem.
Ħa jsaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art.
R/.

Għax hu jeħles lill-fqir meta jsejjaħlu,
u lill-imsejken bla għajnuna ta’ ħadd.
Iħoss għall-magħkus u għall-fqir,
u l-ħajja tal-fqar isalva.
R/.

Ħa jżomm l-isem tiegħu għal dejjem;
u jdum sakemm iddum ix-xemx.
Jitbierku f’ismu l-ġnus kollha ta’ l-art;
u ħieni jxandruh il-popli kollha.
R/.

IT-TIENI QARI.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 15, 4-9


Ħuti: Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, inkiteb għat-tagħlim tagħna, biex, permezz tas-sabar u bis-saħħa tal-qalb li tagħmlilna l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.
Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesu’, biex b’fomm wieħed u qalb waħda tfaħħru ‘l Alla u Missier Sidna Ġesu’ Kristu.
Għalhekk ilqgħu ‘l xulxin, bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom għas-sebħ ta’ Alla. Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi, minħabba fis-sewwa ta’ Alla, biex iseħħu l-wegħdiet li għamel ‘il-Patrijarki, u biex il-pagani wkoll ifaħħru lil Alla minħabba fil-ħniena tiegħu, bħalma hu miktub, ‘Għalhekk jiena nfaħħrek fost il-ġnus u ngħanni t-tifħir ta’ Ismek’.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Ħejju t-triq tal-Mulej,
wittu l-mogħdijiet tiegħu:
u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 3, 1-12.


F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’’. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal, “Leħen ta’ wieħed igħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu’’.
Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalem u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x’għandkom tagħmlu biex taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ ndiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom innifiskom, “Għandna b’missier lil Abraham’’, għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jiena, ngħid għalija, nagħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.’’

Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.