|

“Ħobb il-Mulej,
Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok
kollu.” Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. U t-tieni
jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Il-Liġi kollha u
l-profeti, fuq dawn iż-żewġ kmandamenti huma mibnija.” |
L-IMĦABBA TA’ ALLA
U L-IMĦABBA
TAL-PROXXMU
L-1 QARI - Qari mill-Ktieb ta’
l-Eżodu. - Eż
22, 20-26
Dam jgħid il-Mulej: La taħqarx ’il-barrani, u la tgħakksux,
għax intom ukoll kontu barranin fl-art ta’ l-Eġittu.
La
taħqrux ’l-armla u ’l-iltim għax jekk taħqruhom, u huma
jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom, u l-qilla
tiegħi tixgħel, neqridkom bis-sejf, u n-nisa tagħkom jormlu
u wliedkom jisfgħu ltiema.
Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek
miegħu bħal wieħed li jislef, u teħodlux imgħax. Jekk lil
għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan, agħtihielu lura
qabel inżul ix-xemx, għax hu dik biss għandu biex jitgħatta,
dik biss il-għata ta’ ġismu: inkella fiex tridu jorqod? Għax
jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 17 -
Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.
Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Mulej, blata tiegħi,
fortizza tiegħi, ħellies tiegħi! R/.
Alla tiegħi, sur tiegħi, li fih nistkenn,
tarka tiegħi, saħħa tas-salvazzjoni tiegħi, kenn tiegħi!
Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.
Ħaj il-Mulej! Ikun imbierek, hu l-blata tiegħi;
ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Hu jagħti r-rebħ lis-sultan tiegħu,
u juri mħabbtu lill-midluk tiegħu. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin. 1 Tess 1,
5ċ-10
Ħuti: Tafu intom kif ġibna ruħna fostkom għall-ġid tagħkom.
U intom sirtu tixbhu lilna u lill-Mulej, u l-kelma lqajtuha
bil-ferħ ta’ l-Ispirtu s-Santu, minkejja tbatijiet ta’ kull
xorta. U b’hekk intom sirtu eżempju għal dawk kollha li
laqgħu t-twemmin fil-Maċedonja u fl-Akaja.
Għax il-kelma tal-Mulej xterdet minn għandkom fil-Maċedonja
u fl-Akaja, u mhux dan biss, iżda wkoll l-aħbar tal-fidi
tagħkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien, hekk li m’hemmx
għalfejn nitkellmu fuq dan. U huma stess jgħidu x’laqgħa
għamiltulna meta ġejna fostkom, u kif intom dortu lejn Alla
mill-idoli biex taqdu lil Alla l-ħaj u veru u tistennew lil
Ibnu ġej mis-smewwiet, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li
ħelisna mill-korla ta’ Alla li għad trid tiġi.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Missier Sidna Ġesù Kristu
idawlilna l-għajnejn ta’ qalbna,
biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
- -Mt 22, 34-40
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Meta l-Fariżej semgħu kif Ġesù kien
saddilhom ħalqhom lis-Sadduċej, inġabru madwaru, u wieħed
minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu mistoqsija biex iġarrbu:
“Mgħallem, liema hu l-akbar kmandament fil-Ligi?”
U hu wieġbu: “Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha,
b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” Dan hu l-akbar u l-ewwel
kmandament. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek
innifsek.” Il-Liġi kollha u l-profeti, fuq dawn iż-żewġ
kmandamenti huma mibnija.”
Il-Kelma
tal-Mulej.
|