|
KRISTU MAGĦNA
FIL-BIBBJA, FIL-QADI U
FL-EWKARISTIJA
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.
- 2, 14.22-28
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru, flimkien
mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies
tal-Lhudija, u intom ilkoll li tgħammru f’Ġerusalemm, kunu
afu dan u agħtu widen għal kliemi. Irġiel ta’ Israel,
isimgħu dan li se ngħidilkom. Ġesù ta’ Nażaret, bniedem
imwettaq għalikom minn Alla b’mirakli u għeġubijiet u
sinjali li Alla għamel bih fostkom, kif intom stess tafu,
lil dan Ġesù, mogħti skond il-pjan u l-għarfa minn qabel ta’
Alla, intom tajtuh u qtiltuh billi sallabtuh b’idejn nies
ħżiena; imma Alla qajmu billi ħall l-irbit tal-mewt, għax ma
setax ikun li hu jinżamm minnha.
Għax David jgħid fuqu, ‘Żammejt
lill-Mulej dejjem quddiemi, għax fuq il-lemin tiegħi hu,
biex ma nitħarrikx. Għalhekk ferħet qalbi, u mtela bil-hena
lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama li inti ma titlaqx
fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix lill-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.
Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, timlieni bil-ferħ
quddiemek’.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI -
Salm 15 -
Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.
Għidt lill-Mulej: “Inti Sidi;
ma għandi ebda hena ħliefek.
Mulej, inti s-sehem ta’ wirti w ta’ xortija.” R/.
Inbierek lill-Mulej, li tani l-fehma;
imqar bil-lejl qalbi tgħallimni.
Dejjem quddiemi żammejt il-Mulej,
għax bih f’leminti ma nitħarrek qatt. R/.
Tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi jistrieħ fil-kwiet.
Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir. R/.
Inti turini t-triq tal-ħajja,
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.
IT-2 QARI -
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pietru Appostlu. - 1 Piet 1, 17-21
Għeżież: Jekk intom issejħu Missier lil
dak li, bla ma jħares lejn l-uċuh, jagħmel ħaqq minn kulħadd
skond l-għemil ta’ kull wieħed, għixu fil-biża’ ż-żmien
tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija. Kunu afu li,
mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom,
intom kontu mifdija mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda
jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, bħal ħaruf
bla ħtija u bla tebgħa.
Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma
saret id-dinja, imma deher minħabba fikom fl-aħħar
taż-żminijiet. Hu bih li intom temmnu f’Alla, li qajmu minn
bejn l-imwiet u tah is-sebħ; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll
tama f’Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Mulej, Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;
ħeġġiġilna qalbna, int u tkellimna.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Luqa. - 24, 13-35
Dak in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa
tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws,
sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu
bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jistaqsu
’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.
Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.
U hu qalilhom: “X’intom titħaddtu
bejnietkom intom u mexjin?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket
fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u
qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara
hemmhekk f’dawn il-jiem?”
“X’ġara?” staqsiehom. Qalulu: “Fuq Ġesù
ta’ Nażaret, li kien profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem
quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin
il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun ikkundannat
għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li
kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew
tliet ijiem fuq dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa
tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem
tiegħu ma sabuhx, u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli
li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud
minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu
ma rawhx!”
Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla
għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!
U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk
jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-profeti
kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.
Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu
sejrin, hu għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer ’il bogħod.
Iżda huma riedu jżommuh u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa
sar ħafna ħin u l-jum wasal biex jispiċċa.” Imbagħad daħal
joqgħod magħhom.
U waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad
il-ħobż, qasmu u tahulhom. Għajnejhom imbagħad infetħulhom u
għarfuh, iżda hu kien għab minn quddiemhom. U wieħed
lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna ġewwa fina
waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura
Ġerusalem. Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien,
u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”
U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom
fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej.
|