|
 |
L-1 Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
Is 9, 1-4
Fl-imgħoddi Alla waqqa’ fil-għajb
l-art ta’ Żabulon u Neftali;
‘il quddiem għad jimla bil-glorja
it-triq tal-baħar ‘il hemm mill-Ġordan,
il-Galilija tal-ġnus.
Il-poplu li kieni miexi fid-dlam
ra dawl kbir,
in-nies li joqogħdu f’art id-dlam
dawl kbir idda fuqhom.
Int kattart il-hena, kabbart il-ferħ; huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad, bħalma jifirħu fi qsim
il-priża.
Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar ta’ fuq spallejh,
int kissirthom bħal f’jum Midjan.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 26
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
Minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi,
Quddiem min għandi nitwerwer?
R/.
Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, lilha nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
il-jiem kollha ta’ ħajti,
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
u nbakkar fit-tempju tiegħu.
R/.
Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil-Mulej.
R/.
IT-2 QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
1 Kor 1, 10-13.17
Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesu’ Kristu, biex tkunu
taqblu lkoll bejnietkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom.
Kunu magħqudin kif imiss, ruħ waħda u fehma waħda.
Ħuti, qaluli fuqkom in-nies ta’ Kloe li fostkom hemm it-tilwim:
irrid ingħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed igħid,
‘Jien ma’ Pawlu,’ u, ‘Jiena ma’ Apollo,’ u, ‘Jiena ma’ Kefa,’
u, ‘Jiena ma’ Kristu.’ Jaqaw Kristu maqsum? Forsi Pawlu kien
li ssallab għalikom, jew f’isem Pawlu tgħammidtu?
Għax lili Kristu ma bagħatnix biex ngħammed, imma biex
inxandar il-Bxara t-Tajba, mhux bi kliem il-għerf, sabiex ma
jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Ġesu’ xandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna,
u fejjaq kull xorta ta’ mard fil-poplu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 4, 12-23
F’dak iż-żmien : Meta Ġesu’ sema’ li ‘l Ġwanni kienu
arrestawh, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret, u
ġie joqgħod f’Kafarnahum, qrib xatt il-baħar, fl-inħawi ta’
Żabulon u Neftali. Hekk kellu jseħħ dak li kien intqal mill-profeta
Isaija, ‘Art ta’ Żabulon, art ta’ Neftali, it-triq tat-baħar,
l-art ‘il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus! Il-poplu li
kien jinsab fid-dlamijiet ra dawl kbir; dawk li kienu
jinsabu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.’
Minn dak iż-żmien Ġesu’ beda jxandar u jgħid: ‘Indmu, għax
qorbot is-Saltna tas-Smewwiet.’
(Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ żewġt
aħwa, Xmun, igħidulu Pietru, u Indri’, ħuh, qegħdin ikalaw
ix-xbiek il-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: ‘Ejjew
warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.’ U minnufih
telqu x-xbiek u marru warajh.
Wara li mexa minn hemm, ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’
Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom
Żebedew iħejju x-xbiek tagħhom; u sejħilhom. Minnufih telqu
d-dgħajsa u ‘l missierhom, u marru warajh.
U dar il-Galilija kollha, igħallem fis-sinagogi tagħhom,
ixandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’
mard u ‘l kull min kien dgħajjef minn saħħtu fil-poplu.)
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu
|