|
ĠESÙ KRISTU: ILMA
LI JAQTA’ L-GĦATX
L-1 QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu.
Eż 17, 3-7
F’dak iż-żmien: Il-poplu qabdu l-għatx, u
gemgem kontra Mosè, u qal: “Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu?
Biex toqtol lilna u ’l uliedna u l-bhejjem tagħna bil-għatx?”
Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “X’se nagħmel lil dan
il-poplu? Ftit ieħor u jħaġġruni.”
Il-Mulej qal lil Mosè: “Għaddi minn
quddiem il-poplu, u ħu miegħek xi wħud mix-xjuħ ta’ Israel;
ħu f’idejk il-ħatar li bih kont drabt ix-xmara Nil, u mur.
Arani, jien noqgħod hemm quddiemek, fuq il-blat fil-Ħoreb; u
int aħbat il-blat u toħroġ minnu l-ilma, u jixrob il-poplu.”
U Mosè hekk għamel quddiem ix-xjuħ ta’
Israel. U l-post semmewh Massah u Meribah, għax hemm tlewmu
wlied Israel u ġarrbu lill-Mulej meta qalu: “Il-Mulej fostna
jew le?”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 94
Illum jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux
qalbkom.
Ejjew, ħa nfaħħru bil-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nidhru quddiemu b’għana ta’ radd-il-ħajr,
ngħannulu b’agħjat ta’ ferħ.
R/.
Ejjew inqimuh mixħutin fl-art,
għarkobbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna,
għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-ngħaġ tiegħu.
R/.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meribah,
bħal dak in-nhar f’Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni missirijietkom,
ippruvawni għalkemm egħmili raw.”
R/.
IT-2 QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 5, 1-2, 5-8
Ħuti: Issa li għandna l-ġustifikazzjoni
bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù
Kristu, li bih nidħlu għal din il-grazzja li fiha ninsabu
issa. Aħna niftaħru minħabba fit-tama li għandna li għad
niksbu l-glorja ta’ Alla.
U t-tama ma tqarraqx bina, għaliex l-imħabba
ta’ Alla ssawbet fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien
mogħti lilna. Meta kien il-waqt, u aħna konna għadna bla
saħħa, Kristu miet għal dawk li kienu bla Alla. Wieħed
bilkemm imut għal bniedem ġust, għad li wieħed għandu mnejn
jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed tajjeb. Iżda Alla wera
mħabbtu lejna meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna
midinbin.
Il-Kelma tal-Mulej.
GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Mulej, inti tassew is-Salvatur tad-dinja;
agħtini l-ilma tal-ħajja,
biex ma jeħodnix il-għatx.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann
Ġw 4, 5-42
F’dak iż-żmien: Ġesù ġie f’belt
tas-Samarija jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakob kien
ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakob.
Kien il-ħabta ta’ nofs in-nhar, u Ġesù, għajjien kif kien
mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. Dak il-ħin waslet
mara mis-Samarija timla l-ilma, u Ġesù talabha: “Agħtini
nixrob.” – Għax id-dixxipli kienu marru l-belt biex jixtru
x’jieklu. – Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Int Lhudi u
titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk
għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani.
U Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’
Alla u min hu dak li talbek jixrob, kieku int kont titolbu,
u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Hi qaltlu: “Sidi, mnejn se ġġib
l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa
fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakob li tana dan il-bir
li minnu xorob hu u miegħu wliedu u l-imrieħel tiegħu?”
Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan
l-ilma jerġa jagħtih il-għatx; imma kull min jixrob mill-ilma
li nagħtih jien ma jkun qatt bil-għatx. L-ilma li nagħtih
jien isir fih għajn tnixxi ilma li jasal sal-ħajja ta’
dejjem.” Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sidi, biex ma
jeħodnix il-għatx, anqas ma noqgħod ġejja u sejra nimla l-ilma.”
(Qalilha l-Mulej: “Mur sejjaħ ’il żewġek
u erġa’ ejja hawn.” Wieġbet il-mara u qatlu: “Ma għandix
żewġi.” Qalilha Ġesù: “Tajjeb qiegħda tgħid, ‘Ma għandix
żewġi.’ Inti żżewwiġt ħames darbiet, imma r-raġel li għandek
miegħek bħalissa mhuwiex żewġek. Weġibt is-sewwa.” Qatlu l-mara:)
“Int profeta, Sidi, milli qiegħda nara.
Missirijietna kienu jinxteħtu jqimu ’l Alla fuq din
il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu
jqim ’l Alla jinsab f’Ġerusalem.” Qalilha Ġesù: “Emminni,
mara: jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja tinxteħtu
tqimuh lill-Missier, anqas f’Ġerusalem. Intom tqimu ’l dak
li ma tafuhx; aħna nqimu ’l dak li nafuh, għax is-salvazzjoni
mill-Lhud. Imma jiġi żmien, anzi ġa huwa issa, meta dawk li
tassew iqimu lill-Missier jibdew iqimuh fl-ispirtu u l-verità.
Għax il-Missier ukoll ifittex lil dawk li jqimuh hekk. Alla
huwa spirtu, u dawk li jinxteħtu jqimuh għandhom jagħtuh
il-qima tagħhom fl-ispritu u l-verità.” Qaltlu l-mara:
“Jiena naf li ġej il-Messija, dak li jgħidulu Kristu. Meta
jiġi hu, kollox ixandrilna.” Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li
qiegħed nitkellem miegħek.”
(Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u
stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma
staqsieh, ‘Xi tridha?’, jew, ‘X’inti tgħidilha?’ Il-mara
ħalliet il-ġarra tagħha hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u
qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li tarrafli kull ma
għamilt. Tghid, dan il-Messija?” U n-nies ħarġu mill-belt u
marru ħdejh.
Sadattant id-dixxipli bdew igħidulu u
jerġgħu jgħidulu: “Rabbi, kul.” Iżda hu qalilhom: “Jien
għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.” Id-dixxipli
għalhekk bdew jistaqsu ’l xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd ġieblu
x’jiekol?”
Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li
nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem
il-ħidma tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra
għall-ħsad? Imma araw xi ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom
u ħarsu ftit kif l-egħlieqi ġa bjadu għall-ħsad. Il-ħassad
jieħu ħlasu u jiġbor frott għall-ħajja ta’ dejjem biex min
jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm
sewwa jingħad li ‘min jiżra’ huwa wieħed, u min jaħsad huwa
ieħor.’ Jien bgħattkom taħsdu dak li mhux intom kontu li
tħabattu għalih; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu
tistgħallu t-taħbit tagħhom.”)
Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt
li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta
qaltilhom, ‘Tarrafli kull ma għamilt.’ Tant li, meta s-Samaritani
ġew ħdejh, bdew jitolbuh jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm
jumejn. Imbagħad żdiedu ħafna dawk li emmnu fuq kliemu. U
lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għidtilna int qegħdin
nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan
tassew hu s-salvatur tad-dinja.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|