ŻMIEN

L-AVVENT

 

SENA A

INTI DAK LI GĦANDU JIĠI?

3

ĦADD

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

L-1 Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
Is 35, 1-6a, 10


Ħa jifirħu d-deżert u l-art ħarra,
ħa tithenna u twarrad l-art xagħrija,
bħar-ranġis twarrad bil-kotra, taqbeż u tgħajjat bil-ferħ.
Għax il-Mulej taha s-sbuħija tal-Lebanon,
il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron;
Huma għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna.

Qawwu l-idejn mitluqa, u saħħu l-irkobbtejn imriegħda.
Għidu lil dawk ta’ qalb imbeżżgħa: “Għamlu l-ħila, la tibżgħux.
Hawn hu Alla tagħkom! Waslet il-vendetta,
il-ħlas ta’ Alla, hu ġej biex isalvakom.’’

Imbagħad jinfetħu għajnejn il-għomja, widnejn it-torox jinfetħu;
imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal ċerv,
u lsien l-imbikkem igħajjat bil-ferħ.
Il-mifdijin tal-Mulej jiġu lura, jiġu f’Sijon igħajtu bil-ferħ,
il-hena jkun dejjem fuq rashom, sehemhom ferħ u hena,
u jgħibu minnhom niket u tnehid.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 145
Ejja, Mulej, ħa ssalvana.


Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles ‘il-mjassrin.
R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn il-għomja.
Il-Mulej jerfa’ l-milwijin,
Il-Mulej iħobb ‘il-ġusti.
Il-Mulej iħares ‘il-barranin.
R/.

Il-Mulej iżomm l-iltim u l-armla,
imma triqat il-ħżiena jħarbathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem.
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.
R/.

IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.
Ġak 5, 7-10


Ħuti: Issabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna il-frott għażiż ta’ l-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra.
Stabru intom ukoll, qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib. Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: ara, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! Ħuti, bħala eżempju tat-tbatija u tas-sabar, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi:
bagħtatni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 11, 2-11


F’dak iż-żmien: Ġwanni l-Battista, li kien il-ħabs, sema’ bl-egħmejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?’’ Ġesu’ wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li smajtu u rajtu: il-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Bxara t-Tajba titħabbar lill-fqar. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!’’

Meta dawk telqu, Ġesu’ qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-desert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek’.

Tassew, ngħidilkom, li fost kemm twieldu min-nisa, ħadd ma qam aqwa minn Ġwanni l-Battista; u b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.’’

Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.