|
IL-MAGĦMUDIJA
TAGĦNA FI KRISTU
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.
- 2, 14a.36-41
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru, flimkien
mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Ħa jkun jaf bi
żgur il-ġens kollu ta’ Israel li lil dan Ġesù, li intom
sallabtu, Alla għamlu Mulej u Kristu.” Meta semgħu dan
il-kliem, ħassew qalbhom minfuda u qalu lil Pietru u
lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?” U
Pietru weġibhom: “Indmu, u kull wieħed minnkom jitgħammed
fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom
tirċievu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda hi
għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma
fil-bogħod, li lilhom sejjaħ il-Mulej Alla tagħna.” U
b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom:
“Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel imħassar.”
Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu, u dak in-nhar
żdiedu madwar it-tlitt elef ruħ.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI -
Salm 22
Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni,
f’mergħat kollhom ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hu jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba f’ismu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek
huma jwennsuni. R/.
Int thejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi;
biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
R/.
Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi
il-jiem kollha ta’ ħajti;
ngħammar f’dar il-Mulej
matul iż-żminijiet. R/.
IT-2 QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pietru Appostlu. -1 Piet 2, 20b-25
Għeżież: Jekk intom tagħmlu t-tajjeb, u
b’danakollu tbatu imma tistabru fit-tbatija, tkunu tagħmlu
ħaġa tajba quddiem Alla. Għax intom għal dan ġejtu msejħin:
Kristu wkoll bata għalikom, u ħallielkom eżempju, biex timxu
fuq il-passi tiegħu. Hu ma għamel ebda dnub, u ebda qerq ma
nstab fih; meta għajruh, ma weġibx bit-tagħjir; meta bata,
ma qagħadx ihedded; imma ħalla f’idejn dak li jagħmel ħaqq
bis-sewwa.
Hu nnifsu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib,
biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja.
Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu. Għax intom kontu bħal ngħaġ
mitlufa, imma issa rġajtu dortu lejn ir-Ragħaj u l-Għassies
ta’ rwieħkom.
Il-Kelma tal-Mulej.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi,
u n-ngħaġ tiegħi jagħarfu lili.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Ġwann. - Ġw 10,
1-10
F’dak iż-żmien: Ġesù qal: “Fis-sewwa,
fis-sewwa ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-ngħaġ
mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn band’oħra, dak hu ħalliel
li jisraq. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-ngħaġ.
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-ngħaġ minn leħnu jisimgħu,
u hu jsejjaħ kull waħda min-ngħaġ tiegħu b’isimha u
joħroġhom barra. U meta joħroġ in-ngħaġ tiegħu, huwa jmur
quddiemhom u n-ngħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma
wara ħaddieħor ma jimxux, imma jaħarbu minnu, għax leħen
ħaddieħor ma jafuhx.” Din it-tixbiha qalilhom Ġesù, iżda
huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.
U Ġesù reġa’ qalilhom: “Fis-sewwa,
fis-sewwa ngħidilkom, li l-bieb tan-ngħaġ huwa jien. Dawk
kollha li ġew s’issa qabli huma ħallelin, jisirqu. Iżda n-ngħaġ
mhux lilhom semgħu. Jiena l-bieb: jekk xi ħadd jidħol ġewwa
permezz tiegħi, isalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa.
Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u
jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|