|
 |
L-1 Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija.
Sof 2, 3; 3, 12.13
Fittxu l-Mulej ilkoll,
intom, l-umli ta’ l-art,
li tagħmlu ordnijietu;
fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umilta’;
biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej
ikollkok fejn tistkennu.
U nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken,
u f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn
il-fdal ta’ Israel.
Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor,
u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom,
hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu
bla ma jbeżżagħhom ħadd.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 145
Ħenjin il-fqar fl-ispirtu.
Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles ‘l-imjassrin.
R/.
Il-Mulej jiftaħ għajnejn il-għomja,
il-Mulej jerfa’ l-milwijin,
il-Mulej iħobb il-ġusti.
Il-Mulej iħares il-barranin.
R/.
Il-Mulej iżomm l-iltim u l-armla,
imma triqat il-ħżiena jħarbathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem,
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.
R/.
It-2 Qari
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin.
1 Kor 1, 26-31
Qisu s-sejħa tagħkom, ħuti. Għax mhumiex ħafna l-għorrief
skond il-qjies tad-dinja, mhumiex ħafna s-setgħana, mhumiex
ħafna n-nobbli. B’danakollu Alla għażel il-ħwejjeġ boloh
tad-dinja biex iħawwad il-għorrief; il-ħwejjeġ dgħajfa
tad-dinja għażel Alla biex iħawwad il-qawwija; Alla għażel
il-ħwejjeġ baxxi u mistmerra tad-dinja, u l-ħwejjeġ li ma
huma xejn, biex iġib fix-xejn il-ħwejjeġ li huma xi ħaġa.
Hekk ebda bniedem ma jiftaħar quddiem Alla.
Permezz tiegħu intom tinsabu fi Kristu Ġesu’, hu li sar
għalina għerf ġej minn għand Alla, ġustizzja, qdusija u
fidwa, biex, kif inhu miktub, ‘Min jiftaħar, ħa jiftaħar
fil-Mulej.’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu,
twajjeb fl-egħmil tiegħu kollu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 5, 1-12a
F’dak iż-żmien: Ġesu’, kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja
u, wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu.
U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid:
“Ħenjin il-fqar fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Ħenjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom l-art bħala wirt.
Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzzja,
għax huma jkunu mxebbgħa.
Ħenjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw ‘l Alla.
Ħenjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Ħenjin dawk li huma ippersegwitati minħabba fil-ġustizzja,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Ħenjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu
kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew,
għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.’’
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.
|