|
ĠESỪ: ID-DAWL TA’
ĦAJJITNA
L-1 QARI -
Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
- 1Sam 16, 1b, 6-7, 10-13
F’dak iż-żmien: il-Mulej qal lil Samwel:
“Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibgħatek għand Ġesse
ta’ Betlehem, għax minn fost uliedu jien għażilt għalija
sultan.”
Ġara li, malli waslu wlied Ġesse, Samwel
ra lil Eljab u qal: “Tgħid hawn quddiemi l-midluk tal-Mulej?”
U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu jew
it-tul ta’ persuntu, għax jiena ġa warrabtu. Għax il-Mulej
ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fil-għajn,
imma l-qalb.”
Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn
uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar ’il ħadd minn
dawn.’ U Samwel issokta jgħid lil Ġesse: “Dawn huma t-tfal
kollha?” “Għad fadal iż-żgħir,” wieġbu Ġesse; “ara, qiegħed
jirgħa n-ngħaġ.” U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u
ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn.” U
bagħat għalih u ġiebu: kien żagħżugħ ħamrani, għajnejh
ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu.
U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku,
għax dan hu.” Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt u dilku
quddiem ħutu. Minn dak in-nhar ’il quddiem niżel fuq David
l-Ispirtu tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI -
Salm 22
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma
jonqosni,
f’mergħat kollhom ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hu jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba
f’ismu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek huma jwennsuni.
R/.
Int thejji mejda għalija quddiem l-egħdewwa
tiegħi;
biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi
il-jiem kollha ta’ ħajti;
u ngħammar f’dar il-Mulej
matul iż-żminijiet. R/.
IT-2 QARI -
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lill-Efesin - Ef. 5, 8-14
Ħuti: Intom kontu darba dlam, imma issa
intom dawl fil-Mulej; imxu ta’ wlied id-dawl li intom. Frott
id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja,
f’kull ma hu sewwa.
Fittxu li tagħmlu dak li jogħġob
lill-Mulej, u tisseħbux fl-egħmejjel tad-dlam bla frott,
imma anzi xandruhom fil-beraħ. Għax dak li qegħdin jagħmlu
huma fil-moħbi, tistħi mqar jekk issemmih; imma jekk wieħed
ixandru fil-beraħ, id-dawl jikxef kollox; għax kull ma
jidher hu dawl. Għalhekk tgħid l-Iskrittura, ‘Stenbaħ int,
li rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.’
Il-Kelma tal-Mulej.
GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jiena d-dawl tad-dinja, igħid il-Mulej;
min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Ġwann. - Ġw 9, 1-41
F’dak iż-żmien: Ġesù, kif kien għaddej
lemaħ raġel agħma minn twelidu,
(u d-dixxipli tiegħu staqsewh, “Rabbi, dan twieled agħma
għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” Ġesù
wieġeb: “La hu ma dineb u anqas il-ġenituri tiegħu, imma
ġralu hekk biex l-id ta’ Alla tidher fih. Sakemm għadna bin-nhar,
jeħtieġli nagħmel ix-xogħol ta’ dak li bagħatni; għax jasal
il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm indum fid-dinja,
jiena hu d-dawl tad-dinja.” Kif qal dan,) beżaq fl-art,
għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma.
U qallu: “Mur inħasel fl-għadira ta’ Siloam.” (Din tfisser “il-mibgħut”.)
Mela dak mar, inħasel, u ġie jara.
Il-qraba u dawk li fl-imgħoddi kienu
mdorrija jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak
li kien joqgħod bilqiegħda jitlob il-karità?” Xi wħud qalu:
“Iva, hu.” Oħrajn qalu: “Le, imma jixbħu.” Iżda hu qalilhom:
“Jiena hu.”
(Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”
Weġibhom: “Wieħed raġel, igħidulu Ġesù, għamel ftit tajn,
dilikli għajnejja bih, u qalli, ‘Mur fil-Siloam u nħasel
hemm.’ Mort, inħsilt, u ġejt nara.” Qalulu: “Fejn hu dak
ir-raġel?” Qalilhom: “Ma nafx.”)
Lil dak li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh
għand il-Fariżej. Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u
fetaħ għajnejn l-agħma inzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej
ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu
qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel,
u issa qiegħed nara.” Xi wħud mill-Fariżej qalulu: “Dan
il-bniedem mhux ġej minn għand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt.”
Iżda oħrajn qalu “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali
bħal dawn?” U ma qablux bejniethom. U reġgħu qalu lill-agħma:
“Int x’jidhirlek minnu, billi fetaħlek għajnejk?” Qalilhom:
“Dak profeta.”
Il-Lhud ma ridux jemmnuh li hu kien agħma
u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri tiegħu, ta’ dak
li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom tgħidu li twieled
agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?” Il-ġenituri
tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u
li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u
anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien
għandu: jitkellem hu għalih innifsu.” Il-ġenituri tiegħu
wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa
ftiehmu bejniethom li, jekk xi ħadd ikun stqarr li Ġesù hu
l-Messija, jitkeċċa ’l barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li
l-ġenituri tiegħu wieġbu, ‘Żmien għandu, staqsu lilu.’
Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li
kien agħma u qalulu: “Sebbaħ ’l Alla! Aħna nafu li
dal-bniedem hu midneb.” Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma
nafx; ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara.”
Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?” U
hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu
iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?” U
qabdu jgħajtu miegħu u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu!
Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla,
imma dan ma nafux minn fejn inqala’.” Weġibhom ir-raġel u
qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed il-għaġeb: li intom ma tafux
dan minn fejn inqala’ u b’danakollu lili fetaħli għajnejja!
Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad
jekk wieħed ikun jibża’ minn Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu,
lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ
għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej
minn għand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.”)
Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem
lilna, li twelidt dnubiet waħdek?” U qaċċtuh ’il barra.
Ġesù sema’ li qaċċtuh ’il barra; sabu u
qallu: “Temmen int f’Bin il-bniedem?” Dak wieġbu u qallu:
“Min hu, Mulej, biex nemmen fih?” Qallu Ġesù: “Mhux biss
rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek.” Qallu:
“Nemmen, Mulej.” U nxteħet jagħtih qima.
(Imbagħad Ġesù qal: “Jien għall-ħaqq ġejt
f’din id-dinja, biex min ma jarax isir jara, u min jara
jagħma.” Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh
igħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?” Weġibhom Ġesù:
“Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma
issa qegħdin tgħidu, “Aħna naraw.” Mela d-dnub tagħkom għadu
fuqkom.”)
Il-Kelma tal-Mulej.
|