ŻMIEN

L-AVVENT

 

SENA A

BIL-ĦIDMA TA’ L-ISPIRTU S-SANTU

4

ĦADD

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

L-1 Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
Is 7, 10-14


F’dak iż-żmien: Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: “itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fil-għoli tas-smewwiet.’’ U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej.’’
U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin biex issa se tkiddu lil Alla tieghi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Arawha, ix-xebba ssir omm u jkollha iben u ssemmih Għimmanu-El (għax Alla magħna).’’

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 23

Ħa jidħol il-Mulej: hu s-Sultan tal-Glorja.

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha,
id-dinja u kull ma jgħix fiha;
għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar wettaqha.
R/.

Min jista’ jitla’ fuq il-għolja tal-Mulej,
u min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu idejh indaf u qalbu safja,
min ma tax ruħu għall-frugħa.
R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh,
li jfittxu ‘l wiċċek, Alla ta’ Ġakob.
R/.

IT-TIENI QARI
Bidu ta’ l-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.
Rum 1, 1-7


Pawlu, qaddej ta’ Ġesu’ Kristu, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla, li hu, permezz tal-profeti tiegħu, kien wiegħdu sa minn qabel fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u skond l-Ispirtu s-Santu, sar Iben ta’ Alla b’kull qawwa, bis-saħħa tal-qawmien mill-imwiet, Ġesu’ Kristu Sidna, li bih aħna rċevejna grazzja u appostolat biex, għall-ġieħ ta’ ismu, inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha, li fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesu’ Kristu.
Lill-egħżież kollha ta’ Alla li jinsabu f’Ruma, imsejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem minn Alla Missierna u Sidna Ġesu’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah

Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh Għimmanu-El, Alla-magħna.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 1, 18-24


It-tnissil ta’ Ġesu’ Kristu sar hekk. Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien ħarġet tqila bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.
Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesu’, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.’’
Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El, li bi lsienna jfisser “Alla magħna’’.
Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej u laqa’ ‘l martu għandu.

Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.