|

|
ALLA TA’ ĠESÙ
KRISTU
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.
- 6, 1-7
F’dawk il-jiem, billi n-numru tad-dixxipli
kien qiegħed jiżdied, sar xi tgergir mill-Hellenisti kontra
l-Lhud, għaliex, kif bdew jgħidu huma, ma kienx qiegħed
jittieħed ħsieb tar-romol tagħhom fit-tqassim ta’ kuljum.
Għalhekk it-Tnax sejħu l-ġemgħa tad-dixxipli
u qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex
naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, agħżlu minn fostkom sebat
irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlija bl-Ispirtu
u bil-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nibqgħu
mogħtijin għat-talb u għall-ministeru tal-kelma.”
Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha, u
għażlu lil Stiefnu, raġel mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu,
’il Filippu, ’il Prokoru, ’il Nikanor, ’il Timon, ’il
Parmenas, u ’l Nikola, proselitu minn Antjokja. Lil dawn
ressquhom quddiem l-appostli, li , wara li talbu, qiegħdu
jdejhom fuqhom.
U l-kelma ta’ Alla kienet tikber: in-numru
tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġesuralem, u bosta mill-qassisin
kienu jilqgħu l-fidi.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
-Salm32
Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Għannu bil-ferħ, o ġusti, lill-Mulej;
lin-nies sewwa tixraq il-foħrija;
faħħru ’l-Mulej biċ-ċetra,
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.
Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kull ma għamel kollu fedeltà;
iħobb is-sewwa u l-ġustizzja,
u t-tjieba tal-Mulej imliet l-art. R/.
Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li
jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jħallihom jgħixu fi żmien il-ġuħ. R/.
IT-2 QARI -
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pietru Appostlu. - 1 Piet 2, 4-9
Għeżież: Ersqu lejn Ġesù, li hu l-ħaġra
ħajja, mormija mill-bnedmin imma magħżula u għażiża għal
Alla. Inbnew intom ukoll, bħal ħaġar ħaj, f’dar spiritwali u
saċerdozju qaddis, biex toffru vittmi spiritwali li jkunu
jogħġbu lil Alla b’Ġesù Kristu. Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura,
“Jiena nqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula u
prezzjuża; min jemmen fiha ma jkollux għax jistħi.”
Għalikom, mela, li temmnu, hu dan il-ġieh;
waqt li għal dawk li ma jemmnux din l-istess ġebla li warrbu
l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka, ġebla li twaqqa’ u
ħaġra li tfixkel. Huma jitfixklu, għax ma joqogħdux
għall-kelma ta’ Alla, għalkemm kienu mhejjija għaliha. Imma
intom ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjon qaddis, poplu
miksub minn Alla, biex ixxandru l-għemejjel sbieħ ta’ dak li
sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.
Il-Kelma tal-Mulej.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja, jgħid il-Mulej;
ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Ġwann. - Ġw 14, 1-12
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli
tiegħu: Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu
fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar; li ma
kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn
toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex
neħodkom miegħi, biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U
t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.”
Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn
inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena
hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier
jekk mhux bija. Kieku għaraftu lili, kontu tagħarfu wkoll
’il Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħarfuh u rajtuh.”
Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u
jkun biżżejjed għalina.” Ġesù wieġbu: “Ili daqshekk magħkom
u int, Filippu, għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra
lill-Missier ukoll. Kif tasal int li tgħid “Urina l-Missier”?
Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem
li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn rajja, iżda l-Missier li
jgħammar fija qiegħed iwettaq l-għemil.
Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier hu
fija. Jekk mhux għal ħaġa oħra, emmnuh minħabba fl-għemil
stess. Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija hu
wkoll għad jagħmel l-għemil li qiegħed nagħmel jien, u akbar
minnu għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|